Fi Frar tal-1968, propju 50 sena ilu, id-Dar tal-Providenza laqgħet fiha l-ewwel tliet residenti, Mary Hayman, Carmen Giudice u Carmen Farrugia. 
It-tliet nisa ntlaqgħu bħala residenti f’Villa Mons. Gonzi, l-ewwel minn tliet residenzi li għandha d-Dar tal-Providenza.
Mons. Mikiel Azzopardi, il-fundatur tad-Dar, kien qal li l-ewwel ġurnata hija waħda li ma kien se jinsa’ qatt.
Hu kien qal kif minkejja li għaddew is-snin mill-ewwel ġurnata tal-ftuħ, kien baqa’ jħoss “it-tfexfix” meta jiftakar kemm hu, flimkien mal-ewwel grupp ta’ Sorijiet tal-Karità, stennew bi ħġarhom quddiem il-bieb il-kbir tal-Villa Mons. Gonzi sakemm waslu Mary, Carmen u Carmen.
Mary, waħda mit-tlett ibniet, kienet ukoll waħda mill-ewwel persuni b’diżabilità li laqgħet din id-Dar.
Hi kienet qalet kif meta daħlet id-Dar tal-Providenza kellha biss seba’ snin, u la kienet titkellem u lanqas timxi. Spjegat kif kien ikollha fiżjoterapista kif ukoll speech therapist li kienu jmorru fid-Dar speċifikament għaliha. 
Mary tgħid ukoll li l-Monsinjur kien ordnala rota ta’ bi tlieta sabiex tkun tista’ tagħmel l-eżerċizzju neċessarju biex tħaddem saqajha.
Carmen Giudice mietet fid-Dar tal-Providenza fid-29 ta’ Marzu 1969, waqt li Mary Hayman mietet fil-21 ta’ Diċembru 2006. Min-naħa l-oħra, wara xi snin, Carmen Farrugia kienet marret lura fi ħdan il-familja tagħha.
Illum il-ġurnata, id-Dar tal-Providenza għanda tliet residenzi li jinsabu fis-Siġġiewi, f’Birkirkara, fiż-Żurrieq u aktar tard din is-sena mistennija tinfetaħ ir-raba’ residenza fil-Balluta.