Skont il-White House l-President tal-Istati Uniti Donald Trump huwa favur miżuri biex jitjiebu l-verifiki u kontrolli li jsiru fuq persuni li jkun se jixtru arma tan-nar fl-Istati Uniti.
Fi stqarrija, il-White House qalet li Trump tkellem mas-Senatur Repubblikan John Cornyn dwar abbozz li għen biex jiġi introdott.
Dan l-abbozz li tħejja fl-2017 kellu l-għan li jtejjeb ir-regoli federali dwar verifiki li jsiru qabel persuna ma tkun tista’ tixtri arma tan-nar.
Kelliema għall-White House qalet li jinsabu għaddejjin diskussjonijiet u reviżjonijiet tal-abbozz.
Skont il-midja internazzjonali, is-sistema nazzjonali tal-verifiki (NICS) bħalissa tiddependi fuq uffiċjali tal-istat u dawk federali biex jirrapportaw kundanni kriminali li legalment għandhom iwaqqfu persuna milli tixtri arma tan-nar.
Madanakollu, l-Forza Militari tal-Ajru tal-Istati Uniti ammettiet is-sena l-oħra li naqset milli tirrapporta li persuna partikolari li xtrat arma tan-nar kienet akkużata b’ vjolenza domestika. Din il-persuna qatlet 26 persuna f’Knisja fit-Texas.