Għexieren ta’ studenti fl-Istati Uniti ntefgħu għal tulhom daqslikieku mejtin quddiem il-White House biex jipprotestaw u jitolbu liġijiet dwar iż-żamma tal-armamenti aktar stretti.
Mal-istudenti kien hemm ukoll l-għalliema, li flimkien sallbu jdehom fuq sidirhom, uħud tgħattew bil-bandiera Amerikana, filwaqt li bosta minnhom kellhom miktub, “Jiena jmiss?”
Dan kollu seħħ wara l-massakru tal-ġimgħa l-oħra fi skola fi Florida, meta żagħżugħ ta’ 19-il sena, li kien ilu jgħid fuq Facebook x’jixtieq jagħmel, daħal fl-iskola u qatel 17-il persuna meta fetaħ in-nar fuqhom.
“Huwa importanti immens li nsemmgħu ir-rabja tagħna, sabiex finalment l-Istat jiċċaqlaq fuq il-liġijiet. Kuljum meta nkun sejra l-iskola u nsellem lill-ġenituri nirrealizza li din tista’ tkun l-aħħar darba li narahom”, qalet studenta ta’ 16-il sena li kienet fil-protesta.

Huwa fatt magħruf li l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Armi ffinanzjat bil-qawwi l-kampanja elettorali tal-President Donald Trump, u allura ħafna jaħsbu li se jkujn diffċli li jsiru liġijiet li jxekklu lin-nies milli jakkwistaw aktar armi għal użu personali.
Madankollu, il-White House ħabbret li Trump jaqbel ma’ aktar spezzjonijiet lil min ikun se jixtri arma.
Intqal li Trump jinsab f’taħditiet mas-Senatur Repubblikan John Cornyn, u mas-Senatur Demokratiku Chris Murphy, dwar abbozz li jsaħħaħ il-mod kif l-istat u l-gvernijiet federali jirrappurtaw krimini li jistgħu jipprevjenu milli persuna tixtri azzarin.
Student ieħor qal lill-midja, b’referenza għal Trump, “Inti l-President, u sippost tgħaqqad lin-nazzjon, mhux tifirdu. Kif ma tistħix?”