L-eks-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi, waqt li kien qed jieħu b’idejn ġurnalista tal-BBC, qalilha li tant hi b’saħħitha li ħadd mhu se jkun irid jiżżewwiġha.
L-istess kumment irnexxielu jinqabad fuq filmat meta l-ġurnalista marret tirrangrazzjah wara li għamlitu intervista.
Fuq il-filmat li xxandar fuq il-BBC stess, Berlusconi jidher jgħidilha biex ma tieħux b’idejn in-nies daqshekk bis-saħħa u jgħidilha li l-fatt li mhix miżżewġa hija evidenza tal-argument tiegħu.
Hekk kif il-ġurnalista qaltlu li sa fejn taf hi, hija ħaġa tajba li turi s-saħħa meta tieħu b’idejn xi ħadd, Berlusconi wieġeb li għadda dan il-kumment biss bħala ċajta.
Din mhix l-ewwel darba li l-politikant, li issa qed jikkontesta sabiex jerġa’ jsir Prim Ministru tal-Italja, għadda kummenti sessisti.
Fosta każi oħra, fl-2016, huwa saħaq li omm ma tistax issir sindku, bħala kritika għal Giorgia Meloni li kienet tqila u kienet qed tikkontesta elezzjoni sabiex tilħaq is-sindku ta’ Ruma.