Wara aktar minn 130 sena ta’ storja, il-kumpanija tax-xorb Coca-Cola fi ħsiebha tniedi l-ewwel prodott alkoħoliku fil-Ġappun. It-tip ta’ xarba li se tniedi hija msejħa alcopop, jiġifieri xarba bit-togħma b’kontenut baxx ta’ alkoħol, f’dan il-każ spirtu popolari ħafna fost iż-żgħażagħ.
Jidher li l-Coca-Cola bi ħsiebha tapprofitta miż-żieda fil-popolarità ta’ Chu-Hi, tip ta’ xarba li kibret immens fil-popolarità speċjalment fost it-tfajliet. Ix-xarba jkollha kontenut ta’ alkoħol ta’ bejn 3 u 8%.
Il-kumpanija għalissa qed teskludi li testendi l-bejgħ barra mill-Ġappun, u kwotat il-“kwalitajiet uniċi u speċjali” ta’ dan is-suq domestiku.
Madwar id-dinja, il-bejgħ tas-soft drinks qed jonqos hekk kif aktar persuni qed isiru konxji mis-saħħa u jnaqqsu l-konsum taz-zokkor. Fl-aħħar ħames snin biss, il-konsum niżel b’aktar minn 3%. Dan ħalla impatt qawwi fuq il-kumpanija li tikkontrolla aktar minn 55% tas-suq globali. Fl-aħħar snin, biex tpatti għal dan it-tnaqqis, Coca-Cola espandiet fil-bejgħ tal-ilma, kafe u te.
Intant, hekk kif ir-Renju Unit se jimplimenta taxxa fuq iz-zokkor mix-xahar li ġej, il-kumpanija qalet li mhix fi ħsiebha tibdel ir-riċetta tax-xarba popolari tagħha. Skont il-Coca Cola, il-konsumaturi ma jridux il-bidla, għalkemm ammettiet li se jkollha tgħolli l-prezz biex tpatti għal din it-taxxa l-ġdida.  Skont analiżi tas-suq, is-sena li għaddiet, il-bejgħ tal-ilma għadda dak tal-cola għall-ewwel darba fir-Renju Unit.
Il-kumpanija se tkun qed tniedi wkoll tliet xarbiet din is-sena, ice-tea bl-istem ta’ Fuzetea, u cold coffee Honest Coffee, kif ukoll firxa ta’ smoothies.Ftehim storiku bejn l-Ażja u l-Paċifiku
Ħdax-il pajjiż mill Ażja u l-Paċifiku ffirmaw ftehim storiku f’Santjago, Ċile, b’reazzjoni b’saħħitha għax-xejra protezzjonista tal-Istati Uniti, li s-sena li għaddiet irtirat mill-Patt. Dan il-ftehim intlaħaq fi żmien fejn l-Unjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali ħewġġew lill-President Amerikan Donald Trump biex jibqa’ lura milli jidħol fi gwerra kummerċjali wara li ħabbar pjanijiet li jimponi dazji fuq importazzjonijiet ta’ proditti bħall-azzar u l-aluminju.
Il-Ftehim tat-TransPaċifiku se jnaqqas it-tariffi bejn 11-il pajjiż li bejniethom jirrapreżentaw madwar 13% tal-ekonomija globali. Bl-inklużjoni tal-Istati Uniti, 40% tal-ekonomija dinjija kienet tkun kopruta minn dan il-ftehim.
Madankollu, xhieda tas-saħħa ta’ dan il-ftehim huwa l-fatt li anke mingħajr l-Istati Uniti, dan il-ftehim se jilħaq suq ta’ 500 miljun ruħ.
Dan se jfisser li l-ftehim ikun it-tielet l-akbar ftehim kummerċjali fid-dinja u kien xprunat mill-Ġappun u l-Kanada. Il-firmatarji l-oħra huma l-Awstralja, il-Brunej, iċ-Ċili, il-Malażja, New Zealand, Peru, Singapor u l-Vjetnam.
Filwaqt li Trump qal li ma jeskludix sħubija eventwali f’dan il-Patt f’każ ta’ re numru ta’ kelliema tal-firmatarji attwali indikaw li din l-eventwalità hija mill-aktar remota.
Cigna se tixtri l-Express Scripts għal $67nn
Il-kumpanija tal-assigurazzjoni Cigna Corporation se tixtri l-kumpanija Express Scripts fi ftehim li mistenni jlaħħaq xejn inqas minn 67 biljun dollaru. Dan hekk kif fl-aħħar xhur kibret il-popolarità ta’ ftehmiet fost kumpaniji li jimmaniġġjaw benefiċċji tas-saħħa. Dan il-ftehim għad irid jgħaddi mill-approvazzjonijiet regolatorji meħtieġa.
Permezz ta’ Express Scripts, Cigna tkun qed tikseb aċċess għal kumpanija tal-farmaċewtika b’valur ta’ 41 biljun dollaru li tinnegozja prezzijiet ma’ kumpaniji li jipproduċu l-mediċini ma’ assiguraturi u ma’ min iħaddem. Ġganti tas-saħħa, inkluż kumpaniji tal-assigurazzjoni u tal-farmaċewtika għaddejjin minn proċess ta’ konsolidazzjoni biex jiksbu pożizzjoni aħjar f’industrija li qed tkompli kull ma jmur tikber, b’mod partikolarment hekk kif l-età medja tal-popolazzjoni fil-pajjiżi l-aktar żviluppati qed tkompli tiżdied.
Ftehim simili ntlaħaq fix-xhur li għaddew ejn CVS Health u l-kumpanija ta’ assigurazzjoni Aetna, li wkoll kellu valur ta’ aktar minn 67 biljun dollaru.
Fl-2016, Express Scripts għamlet dħul ta’ aktar minn 100 biljun dollaru, u tħaddem ‘il fuq minn 25,000 persuna.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.