3 minuti qari

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija ta' Min Iħaddem (MEA) Dolores Sammut Bonnici qalet li qed tbassar li bejn tlieta u erba’ snin oħra il-popolazzjoni ta’ Malta se tilħaq is-600,000 persuna.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM, Sammut Bonnici kienet qed titkellem dwar il-problema li jiffaċċjaw dawk li jħaddmu f’Malta peress li hemm nuqqas ta’ ħaddiema. Hi semmiet kif terz minn dawk is-600,000 persuna se jkunu barranin minħabba l-influss ta’ persuni jfittxu x-xogħol.
Sammut Bonnici tkellmet dwar l-importanza li jsir studju fuq id-demografija ta’ Malta minħabba din iż-żieda fil-popolazzjoni. Hi semmiet kif diġà qed ikun hawn problemi f’ċerti postijiet peress li jkunu ffullati.
Skont Sammut Bonnici, dawk li jħaddmu qed ifittxu lill-barranin biex jimpjegawhom. Qalet li dawn jingħataw it-taħriġ biex ikunu jistgħu jaħdmu. Żiedet tgħid li minħabba f’hekk f’ċerti każijiet, dawn l-istess barranin jispiċċa jkollhom aktar ħiliet mill-Maltin.
Dawk li jħaddmu kollha favur żieda fil-paga
Il-President tal- MEA qalet li dawk kollha li jħaddmu lin-nies huma favur li jiżdiedu l-pagi sakemm ikun hemm żieda fil-produttività wkoll.
Waqt l-indirizz tagħha fil-laqgħa ġenerali annwali tal-MEA aktar kmieni f’Marzu, Sammut Bonnici qalet li inflazzjoni fil-pagi minħabba nuqqas ta’ ħiliet tnaqqas il-kompetittività, speċjalment fis-settur tal-esportazzjoni. Fil-fehma tagħha, il-poaching tal-ħaddiema tista’ tkun soluzzjoni immedjata, però qalet li fuq livell nazzjonali din qed iżżid l-inflazzjoni tal-pagi.
Dolores Sammut Bonnici qalet li l-ekonomija Malta qed tikber grazzi għall-ekonomija globali li qed tirkupra, suq ta’ turiżmu li mhux stabbli fil-pajjiż madwar Malta, u minħabba t-tkabbir fl-oqsma finanzjarju u tal-igaming.
Nies impegati mal-Gvern bla raġuni
Il-President tal-MEA spjegat li s-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ ħaddiema saret agħar wara li l-Gvern beda jimpjega nies biex jaħdmu miegħu bla raġuni fl-2017.
Qalet li għalkemm dawk li jħaddmu qed jimpjegaw ħaddiema barranin, hemm każi fejn il-permessi qed idumu aktar minn erba’ xhur biex jiġu pproċessati.
Waqt l-indirizz tagħha, Sammut Bonnici kkritikat id-diskriminazzjoni li ssir fis-settur pubbliku abbażi tat-twemmin politiku ta’ persuna. Żiedet tgħid li hemm il-ħtieġa ta’ aktar trasparenza dwar il-positions of trust.
Tista’ tara l-programm sħiħ li fih tkellmet Dolores Sammut Bonnici minn hawn.