Volkswagen se twaqqaf il-produzzjoni tal-Beetle biex tkun tista’ tiffoka fuq il-produzzjoni tal-Microbus, bl-isem ta’ VW Buzz, li ħabbret fix-xhur li għaddew.
Din il-Microbus mistennija tkun replika tal-VW Bus li kienet bdiet tinbiegħ fl-1949 bid-differenza li l-mudell il-ġdid se jkun imħaddem bl-elettriku.
L-uffiċjal responsabbli mir-Riċerka u l-Iżvilupp tal-kumpanija Volkswagen, Frank Welsch kien ikkwotat jgħid li l-kumpanija tista’ tagħmel verżjoni elettrika tal-bus billi żżomm l-istil originali u realistiku minħabba li l-magna ma kinitx fuq quddiem. Qal li ma tistax tagħmel verżjoni elettrika ta’ kull karozza minħabba li l-maġġoranza tal-karozzi jkollha l-magna fuq quddiem.

Il-Beetle, jew kif kienu jirreferu għaliha bħala l-bug, kienet bdiet tiġi żviluppata qabel it-Tieni Gwerra Dinjija iżda waslwet għall-Ewwel Darba fis-suq Amerikan fl-1950.
Kienet popolari l-aktar fis-snin sittin, waqfet tinbiegħ fl-1978 iżda fl-1998 reġgħet ingħatat il-ħajja b’mudell ġdid.
Intant, il-VW Buzz mistennija tibda tinbiegħ fl-2022 iżda l-produzzjoni tagħha se tibda mis-sena d-dieħla u tkompli fl-2020.
Dan il-mudell mistenni jkun mgħammar b’teknoloġija avvanzata fosthom l-augmented reality, laser scanners fuq is-saqaf u steering wheel li jingħalaq.