Fi spazju ta’ ftit snin id-daqna jew barba, reġgħet għamlet ritorn qawwi.
Futbolers, atturi u stilisti huma probabbilment l-aktar li tara bid-daqna, ħafna aktar milli kienu jkollhom fil-passat. Li jkollok daqna pulita, mqasqsa tajjeb, nadifa u kkurata, hija xi ħaġa li wieħed ma jistagħġibx li jara llum.
Imma għala dan l-interess f’din l-imbierka daqna?
1. Għidli x’tiekol u… kabbar daqna!
Bħala bnedmin aħna kontinwament ninkwetaw dwar id-dehra tagħna. Filwaqt li n-nisa ilhom snin ippreokkupati dwar il-piż u d-dehra tal-persuna tagħhom, l-irġiel issa jinsabu taħt skrutinju biex joħolqu figura sabiħa u b’saħħitha. Figura maskili. Dan il-konċentrament kollu fuq il-persuna tal-irġiel, ġabet konsiderazzjoni ġdida dwar dieti u protein shakes, muskoli u  eżerċizzji. Id-daqna allura tkompli ssebbaħ b’mod naturali d-dehra maskili, billi ssebbaħ il-wiċċ, tagħti dehra ta’ serjetà, superjorità u maskulinità.
2. In-nisa fil-poter
Qed nerġgħu naraw xi ħaġa simili ta’ dak li ġara fl-era Vittorjana, fejn id-daqna kienet tesprimi forma ta’ ribelljoni. Fl-1850 in-nisa bdew jirrealizzaw li huma wkoll setgħu jaspiraw għall-poter. Kien hemm mewġa li l-irġiel Ewropej kienu qishom qed jiddgħajfu. Dan wassal għal aktar attenzjoni għall-figura tar-raġel. Sa kmieni fis-Seklu 19, raġel magħmul żgħir, spallejh dojoq u rqajjaq kien jgħaddi bħala raġel ta’ klassi soċjali għolja… ma kellux għalfejn ikollu muskoli li jerfgħu żiemel, għax kien hemm ħaddieħor biex jagħmel dak ix-xogħol.
Il-gwerra tal-Krimea fl-Ewropa u l-Gwerra Ċivili Amerikana bexxqu l-bieb għan-nisa u s-sehem tagħhom fil-ħajja pubblika. L-irġiel irritaljaw fil-pront… billi kabbru d-daqna ħalli juru kemm huma rġiel! Id-daqna kienet turi ċertu maskulinità, turi ċertu saħħa naturali.
Illum, fejn l-ugwaljanza bejn is-sessi waslet lin-nisa fi rwoli importanti u ta’ poter aktar min qatt qabel, l-irġiel allura qed ikabbru d-daqna u jikkurawha biex jippruvaw jasserixxu bilanċ.
3. Ħarsa lejn il-preżent 
Nerġgħu naqgħu għall-konnessjoni ma’ nostalġija għal maskilinità. Ir-riċessjoni wasslet għal din in-nostalġija, attitudni ta’ stil. Bħal donnu kollox sejjer ħażin f’din id-dinja u wieħed jibża’ jħares lejn il-futur. Donnu ħadd ma hu ċert fejn se jeħodna l-futur u allura nħossuna komdi nħarsu lura lejn il-passat għax dak diġà għaddejna minnu.  Il-ġens maskil qed iħares lura lejn id-daqna għax għalihom din tirrappreżenta maskilintà fl-aqwa tagħha.
4. Id-daqna li twerwer 
Il-gwerra kellha influwenza kbira fuq id-daqna. Fl-era Vittorjana, is-suldati li kienu jirritornaw mil-gwerra tal-Krimea jew dik al-Boeri, kien ikollhom daqna kbira. L-idea kienet li kienu jpoġġu lis-suldati kollha bid-daqna u bil-mustaċċi fuq quddiem ħalli jwerwru lil ghadu! Il-personalitajiet ċelebri kienu dejjem jinfluwenzaw ħafna fil-moda. Mill-esploratur David Livingstone sal-kittieb Tolstoy, mill-mużiċist Giuseppe Verdi sal-Ġeneral Kitchner, il-wiċċ muswaf kien moda.
5. Muskoli għall-moda mhux għall-bżonn
Il-post tax-xogħol inbidel drastikament. L-idea li xogħol iebes huwa għal min għandu l-muskoli issa spiċċat. Peres li l-irġiel qed  iqattgħu ħafna żmien bilqiegħda fil-lant tax-xogħol, laqgħat u fl-uffiċini, qed jesprimu l-kapaċità u s-saħħa permezz tal-moda. Id-daqna hija parti integrali ta’ din id-dehra simbolika li turi li kapaċi tirbaħ kull kriżi li tiltaqa’ magħha.
6. Min mejjet għall-qatra…
Hemm din l-idea sottili li hija xi ħaġa aktar awtentika għad-dehra maskili li jkollok daqna. Ir-ritorn ta’ rġiel b’ħafna daqna u leħja, wara dehra pulita, imqaxxra u nadifa, kienet inevitabbli għall-moda.
Donnu aktar ma jkollok xagħar fuq wiċċek aktar tkun aċċettabbli. Hemm oħrajn li jużaw il-‘laser’ biex qatt ma jerġgħu jaraw imqar sufa waħda terġa’ tinbet fuq ġisimhom u oħrajn jilbsu parrokki biex jidhru aħjar.
Illum id-dehra tad-daqna hija OK, però 20 sena oħra, tgħid kif għad iħarsu lejna ta’ warajna? Forsi l-moda terġa’ twarrab għal darba oħra din l-idea ta’ daqna u xagħar fuq il-wiċċ? Il-mustaċċi wkoll kienu moda fil-passat… Min jaf? Forsi nerġgħu naraw dawk il-mustaċċi mibruma, grandjużi ferm, fid-dehra u tul.