Matul il-Mixja għan-Natura (Walk for Nature) li tkun organizzata kull sena minn BirdLife Malta nġabret is-somma ta’ aktar minn €700 bis-saħħa tal-appoġġ ta’ madwar 100 parteċipant, l-aktar familji u tfal, li ħadu sehem fl-attività annwali li saret ilbieraħ.
Fi stqarrija, il-Birdlife qalet li l-flus miġbura se jiġu investiti f’riżorsi ġodda tal-edukazzjoni ambjentali li se jgħinu biex aktar nies jersqu eqreb lejn in-natura, fosthom kameras biex isir live streaming fir-riservi naturali tal-NGO.

Fil-mixja mill-Imdina sar-Riserva Naturali tas-Simar ingħaqdu wkoll esperti lokali tan-natura li animaw il-mixja u għenu lil dawk li ħadu sehem fl-attività biex jidentifikaw postijiet fejn jgħixu speċi naturali differenti u anke spjegawlhom aktar dwar il-ħabitati li ltaqgħu magħhom tul ir-rotta.
Fi tmiem il-mixja, it-tfal ġew ippremjati b’goody bags u saret ukoll ċerimonja tal-premjazzjoni għal dawk li ġabru l-akbar ammont ta’ donazzjonijiet, bil-parteċipant li ġie fl-ewwel post jingħata kopja tal-ktieb The Natural History of the Maltese Islands.