Fl-2017 kien hemm total ta’ ħames serqiet irrappurtati mil-Librerija tal-Università ta’ Malta. Min-naħa l-oħra, bejn Jannar u Frar tal-2018 diġà ġew irrappurtati erba’ serqiet.
Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għall-Pulizija wara li bosta studenti qalu li s-serq fil-librerija qiegħed dejjem jiżdied.
Ftit tal-jiem ilu studenta universitarja rrappurtat li nsterqilha l-basket waqt li kienet qed tistudja fil-librerija tal-Università ta’ Malta.
Fil-basket, it-tfajla kellha ktieb b’numru ta’ noti importanti għat-teżi tagħha.
Newsbook.com.mt tkellem ukoll mal-Università ta’ Malta li nsistiet li qed tieħu numru ta’ miżuri sabiex jiġi evitat is-serq. Il-miżuri jinkludu sorveljanza bil-cameras CCTV fiż-żona fejn hemm il-lockers li jissakkru u fejn hemm l-ixkafef miftuħa, kif ukoll ħdejn il-bibien tal-Librerija.