Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg qal li l-Marsa-Ħamrun bypass se tiġi ddisinjata mill-ġdid sabiex jiżdiedu żewġ korsiji ġodda, waħda f’kull direzzjoni.
Fi stqarrija, il-Ministru Borg qal li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet beda x-xogħol biex titwessa' l-Marsa-Ħamrun bypass. Qal li s-sejħa għall-offerti għax-xogħol meħtieġ ħarġet f’Awwissu u t-tħejjijiet biex jibda x-xogħol ta’ twessigħ beda malli ngħata l-kuntratt.
Il-Ministru spjega kif bħalissa, hekk kif tixref mill-mini ta’ Santa Venera fid-direzzjoni lejn il-Marsa, iż-żewġ korsiji tal-karreġġjata jingħalqu għal waħda. Żied jgħid din id-diffikultà toħloq xkiel għal dawk li jkunu għaddejjin minn din it-triq, b’aktar dewmien u aktar riskji ta’ inċidenti.
Skont Borg b’dan il-proġett ta’ madwar €5 miljun se jonqsu ħafna diffikultajiet kif ukoll ir-riskji ta’ inċidenti.
Il-Ministru qal li dan il-proġett mistenni jitlesta fi żmien 13-il xahar. Huwa qal ukoll li qegħdin jintalbu l-fondi mill-Unjoni Ewropea sabiex dan jitwettaq.
Ritratt: DOI – Jason Borg