2 minuti qari

Nadine Mercieca mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet li kien hemm diffikultà teknika li wasslet għal riżultat skorrett dwar il-kwalità tal-arja fiż-Żejtun.
Fuq Follow Up fuq RTK 103FM, Mercieca qalet li kienet saret misinterpretazzjoni ta’ rapport li ħareġ mill-Indiċi tal-Kwalità tal-Arja fl-Ewropa (European Air Quality Index).
Skont l-indiċi Malta u l-Polonja biss fl-Ewropa kollha għandhom il-kundizzjoni tal-arja deskritta bħala “ħazina ħafna”.
Skont Mercieca, l-informazzjoni mill-aġenzija Ewropea dwar il-kwalità tal-arja f’Malta tittieħed direttament mill-informazzjoni tal-ERA. Spjegat li hemm erba’ stazzjonijiet f’Malta li jagħmlu moniteraġġ kontinwu tal-arja. Dawn jinsabu fl-Għarb, fl-Imsida, Ħ’Attard u fiż-Żejtun.
Mercieca qalet li kien qed isir studju (intercomparison study) fuq l-istazzjoni taż-Żejtun biex jassigura li jkun qed jagħti riżultati tajbin.
Mercieca spjegat li t-trab mill-aktar fin (PM2.5) ġie assenjat sampling head tal-PM10. Qalet li dan sar għall-paragun bejn żewġ strumenti li janalizzaw dan il-PM10.
Mercieca kompliet tgħid li fl-istess żmien li fih kien qed isir l-istudju, Malta esperjenzat żieda fit-trab mid-deżert tas-Sahara. Qalet li l-livell tat-trab fin (PM2.5) għolew. Żiedet tgħid li s-sistema li tittrażmetti l-informazzjoni bejn Malta u l-Ewropa esperjenzat diffikultà teknika.
Fi stqarrija, l-ERA qalet li xi apparat fl-istazzjon taż-Żejtun kien qed jagħti riżultati anomali minħabba problemi tekniċi. Intqal li ma kienx hemm lok għall-allarm. Intqal li qed isiru testijiet fuq l-istrument inkwistjoni.
Kelliem għall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) qal ma’ Newsbook.com.mt li kien ċar li r-riżultati tal-istazzjon taż-Żejtun kienu skorretti. Qalu li min-naħa tagħhom se jkunu qed jinkludu testijiet addizzjonali sabiex l-informazzjoni żbaljata ma tiġix inkluża fl-indiċi tagħha fil-futur.
Jidher li għall-ħabta tas-01:00pm ilbieraħ, l-istazzjoni tal-ERA fl-Imsida wera livelli għoljin ta’ PM2.5. Il-livelli kienu aktar għoljin minn dawk tal-PM10.
Skont l-EEA, il-PM2.5 hija parti mill-PM10, allura r-riżultati tal-PM2.5 ma jistgħux jaqbżu lil dawk tal-PM10.
Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijet lill-ERA biex jara jekk l-istazzjon taż-Żejtun hux qed jaffettwa lil dak tal-Imsida.
Tista' tisma' l-programm sħiħ ta' Follow Up minn hawn.