Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici iddefenda fil-Parlament, id-deċiżjoni tar-reġistratur tal-Qorti biex iħassar l-ismijiet taż-żewġ avukati li kienu nstabu ħatja ta frodi għax qal li skont liġi li tkun fis-seħħ fil-pajjiżi tal-UE tliet xhur oħra, dawn għandhom id-dritt li jintesew. Kien għalhekk li isimhom, Yanica Barbara u Thomas Sant, tneħħa mid-database pubbliku onlajn tal-qorti.
Waqt il-hin tal-mistoqsijiet, il-Ministru qal li d-deċiżjoni ttieħdet fuq id-dritt tal-individwu li jiġi minsi fl-ambjent onlajn u d-dritt li d-dejta personali tkun imħassra.
Min-naħa tiegħu, il-kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi qal li l-Gvern qed jiftaħ għal possibilta’ li fil-futur Malta jkollha Prim Imħallef jew Imħallef b’fedina kriminali.
Bonnici qal li dak ma jistax iseħħ għax il-fedina mhu ser titħassar. Huwa qal li ħafna nies qed ibatu konsegwenzi kbar minħabba isimhom jibqa’ jitla’ fil-google fuq każijiet ta’ għoxrin sena qabel.
Il-każ joħroġ minn rapporti fil-media li erba’ ġudikanti li jeżaminaw l-istudenti tal-liġi qabel ma jinghataw l-warrant, approvaw l-isimijiet ta’ dawn iż-żewġ żgħażagħ minkejja l-fedina kriminali tagħhom kienet maħmuġa u għalhekk ma setgħux isiru avukati.