L-eks-President tal-Irlanda, Mary McAlesse, appellat lill-Papa Franġisku biex jiżviluppa “strateġija kredibbli” li tinkludi lin-nisa f’kull livell tal-istruttura globali tal-Knija Kattolika għax il-fatt li n-nisa tħallew barra minn irwoli ta’ deċiżjoni “ħalla l-knisja żlugata fuq ġenb wieħed”.
Hi kienet qed titkellem fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fl-avveniment annwali “Voices of Faith” u qalet li għal ħafna żmien il-Knisja ilha ġġorr il-vajrus tal-“mibegħda għan-nisa”.
“Illum qed nisfida lill-Papa Franġisku biex jiżviluppa strateġija kredibbli għall-inklużjoni tan-nisa fl-għeruq u l-infrastruttura tal-Knisja, inkluż fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, daqs l-irġiel”, qalet McAlesse.
Bħalissa, l-eks-President Irlandiża li mexxiet lil pajjiżha bejn l-1997 u l-2011 qed tistudja għal Dottorat fil-Liġi Kanonika fl-Università Gregorjana Poontifiċja.
Hi qalet li l-fatt li l-Knisja ma inkludietx lin-nies bħala ugwali, ċaħħad lill-istess Knisja minn dixxerniment innovattiv u kkonsenjaha għal ideat riċiklati ta’ elit klerikali maskili.
Din hi l-ħames edizzjoni ta’ din il-laqgħa u din is-sena ġibdet attenzjoni akbar wara li l-grupp ikkritika lill-Vatikan għax allegatament ċaħad il-permess lil tliet kelliema fil-laqgħa, fosthom lil McAlesse.
L-organizzaturi qalu li d-deċiżjoni dwar il-kelliema tieħdet mill-Kardinal Kevin Farell Kap tad-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja.
Iżda min-naħa tiegħu l-Kardinal qal li hemm perċezzjoni li kulma jsir fil-Vatikan hu sponsorjat mill-Papa u n-nies jaħsbu li l-Papa jaqbel ma’ kull ma jingħad waqt avvenimenti bħal dawn. 
Żied jgħid li meta qalulu x’kienet se tkun din l-okkażjoni ħass li ma kienx xieraq li hu jibqa’ jappoġġja din l-attivita. Madankollu qal li l-Knisja “dejjem lesta tisma’ u żżomm djalogu miftuħ”.
Fid-diskors tagħha l-eks-President Iralndiża rrikonoxxiet li l-Konċilju Vatikan II fetaħ irwoli ġodda għal-lajċi fil-Knisja iżda ħafna minn dawn ir-rwoli żiedu marġinalmnet il-viżibiltà tan-nisa iżda ma tawhom ebda poter ġodda fejn jidħol it-teħid tad-deċiżjonijiet u anqas ma tawhom vuċi.
Hi qalet li l-projbizzjoni tal-Knisja fuq l-Ordinazzjoni tan-Nisa li l-Papa Ġwanni Pawlu II baqa’ jisħaq fuqha fl-“Ordinatio Sacerdotalis” sakkret lin-nisa l-barra minn kull rwol sinjifikanti fit-tmexxija, l-iżvilupp dottrinali u l-awtorità tal-Knisja u dawn baqgħu riżervati għall-irġiel ikkonsagrati.
Staqsiet kif tista’ l-ġerarkija tista’ tibqa ssostni l-kredibilità li  Alla jrid li l-affarijiet jibqgħu hekk; li jrid Knisja fejn in-nisa huma inviżibbli u bla vuċi fit-tmexxija; fejn ma jeżistux legalment jew fid-dixxerniment dottrinali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet?