Raġel ta’ dsatax-il sena staqsa lill-Maġistrat jekk id-deċiżjoni tal-Qorti li ngħata biex ma joħroġx mid-dar wara ċertu ħin tapplikax b’effett immedjat, għax ried joħroġ għal bibita dakinhar stess filgħaxija.
Wara din il-mistoqsija, ir-raġel li huwa minn Raħal il-Ġdid, qala’ twissija serja mill-Maġistrat li spjegatlu l-konsewgenzi jekk jikser il-kundizzjonijiet li ġew imposti fuqu mill-Qorti.
Huwa ġie akkużat li saq karozza f’Ħal Tarxien it-Tnejn li għadda, mingħajr il-permess ta’ sidha u li naqas li jinforma lill-Pulizija meta l-vettura li kienet misruqa jew mitlufa, spiċċat għandu. Il-Qorti semgħet kif l-akkużat kien qed isuq l-istess karozza b’mod traskurat, u li lanqas kellu polza tal-assikurazzjoni.
Billi r-raġel qed ifittex impjieg, il-Qorti qablet li ma jixxandarx isem l-akkużat. Madankollu ngħata l-libertà proviżorja taħt garanzija personali ta’ €5,000 u ħin limitat meta jista’ joħroġ mid-dar.