Il-Kunsill Ewropew laħaq ftehim dwar proposta li għandha l-għan li żżid it-trasparenza fis-servizzi ta’ ppjanar tat-taxxa f’pajjiżi differenti.
L-abbozz ta’ din id-direttiva hija l-aħħar waħda minn sensiela ta’ miżuri li qed jittieħdu biex jipprevjenu abbużi fit-taxxi li għandhom jitħallsu minn kumpaniji.
Dan l-abbozz ta’ liġi jitlob lill-intermedjarji, fosthom dawk li jagħtu pariri dwar taxxi, avukati u accountants sabiex jirrappurtaw skemi li jitqiesu bħala aggressivi. Se twaqqaf ukoll database ċentrali li tippermetti stati membri jaqsmu informazzjoni dwar taxxi.
Il-ftehim intlaħaq fil-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, u din id-direttiva mistennija tiġi addottata ladarba tinqaleb fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea.
L-istati membri għandhom żmien sal-31 ta’ Diċembru 2018 sabiex idaħħluha fis-seħħ fil-liġijiet rispettivi tal-pajjiżi.