Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li qed jitħejja programm edukattiv fl-iskejjel sekondarji biex żgħażagħ ta’ 16-il sena li issa għandhom id-dritt tal-vot ikunu edukati f’materji dwar id-drittijiet tagħhom.
Meta kien qed iwiegeb għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Godfrey Farrugia, il-Ministru qal li diġà ħarġet ċirkulari fejn l-għalliema tal-Form 5 tal-PSCD intalbu jagħtu l-fehma tagħhom mill-Uffiċjali Edukattivi tal-PSCD dwar kif jaħsbu li t-tema tal-‘Vot ta’ 16-il Sena, Dmirijiet u Drittijiet’ għandha tiġi mgħallma fil-klassi.
Għas-sena skolastika li jmiss, permezz tar-reviżjoni tas-sillabi tal-PSCD u l-Istudji Soċjali se jiġi implimentat programm tal-edukazzjoni ċivika.
Fl-Istudji Soċjali se jiġu diskussi diversi temi li jispjegaw fuq il-vot. Fil-Forms 1 u 2, tiġi diskussa x’inhi demokrazija, tipi ta’ gvern, gvern lokali u gvern ċentrali.
Fil-Forms 3, 4 u 5 fl-option tal-Istudji Soċjali, tiġi diskussa t-tema taċ-ċittadin u l-komunità lokali, il-politika u l-Ewropa.
Fil-klassijiet tal-Primarja, fit-3, 4, 5 u 6 sena, fil-PSCD, l-għalliema jiddiskutu s-suġġett tal-elezzjonijiet u l-proċess demokratiku meta l-istudenti jitħejjew għall-elezzjonijiet tal-kunsilli tal-istudenti.
Il-Ministru qal ukoll li l-istudenti jkunu mħeġġa joħorġu bħala kandidati, jippreparaw diskors, jitkellmu quddiem sħabhom fil-klassi jew fis-sala, u jippreparaw posters.
L-istudenti jkunu mħeġġa jirriflettu dwar id-dmirijiet bħala votanti, u dwar jekk il-kandidati tal-kunsill preżenti għandhomx jerġgħu jiġu eletti. Il-proċess tal-elezzjoni tal-kunsill tal-istudenti jsir permezz ta’ karti tal-vot, kaxxa tal-vot, studenti li jgħoddu l-voti u l-bqija.
Il-kunsilli tal-istudenti huma mħeġġa jżommu l-minuti tal-laqgħat tagħhom. F’xi skejjel dan il-kunsill tal-istudenti jiġi amalgamat mal-kunsill tal-istudenti tal-EkoSkola.
Il-Ministru kompla jgħid li fl-iskejjel sekondarji, tiġi diskussa t-tema tal-voluntiera li jersqu ‘l quddiem sabiex jiġu eletti fil-kunsill.