Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) qalet li l-esperjenza f’Malta turi li “taħt kull amministrazzjoni tfaċċaw persuni li speċjalizzaw fl-arti li tilgħab bil-liġi u ssib kif tgħaddi mit-tieqa, meta l-ispirtu tal-liġi jkun għalaq il-bieb għal dan l-abbuż”, b'referenza għal-liġijiet tal-iżvilupp.
Fi stqarrija, il-KA fakkret li kienet issuġġeriet li l-Awtorità Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kellha tinqasam f’żewġ awtoritajiet. Il-KA qalet li tħoss li l-qasma li saret setgħet saret ħafna aħjar “b’mod li jiġu evitati deċiżjonijiet ‘strambi’ li jqajmu ħafna mistoqsijiet dwar l-operat tal-istess awtoritajiet”.
L-iżvilupp tal-lukanda Fortina f’Tas-Sliema
Skont il-KA, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħasset li ma kienx hemm ħtieġa biex isir studju tal-impatt ambjentali (EIA) biex jevalwa ż-żieda ta’ ħames sulari fuq bini ta’ 17-il sular, it-twaqqiegħ ta’ strutturi eżistenti u l-bini ta’ blokk ta’ 15-il sular ta’ appartamenti.
Il-KA qalet li temmen li l-fatt li sit ikun f’ambjent urban, ma jfissirx li wieħed għandu japprova fuqu kull tip ta’ żvilupp, speċjalment meta dan jista’ jkollu impatti negattivi fuq il-komunità. Qalet li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet ma qisitx it-tħaris tal-ambjent soċjali.
Il-KA kompliet tgħid li “l-ironija ta’ dan kollu hi li fl-istess perjodu li ttieħdet din id-deċiżjoni, l-ERA nediet regolamenti ġodda intenzjonati li jsaħħu l-EIAs billi fil-proċess evalwattiv jintroduċu temi ġodda bħas-saħħa tal-bniedem u t-tibdil fil-klima fost l-oħrajn.”
Eżenzjonijiet minn skrutinju rigoruż min-naħa ta’ ppjanar wasslu għall-bini tal-ħangar ta’ Xatt it-Tiben, li huwa insensittiv għas-swar tal-Belt u għat-twaqqif ta’ shooting range pubblika fuq art tal-Pulizija f’Ta’ Kandja
Mercury House f’Paceville u l-proġett fil-Bajja ta’ San Ġorġ
Il-KA qalet li ma tistax tifhem kif l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) tagħżel li jkompli jsir żvilupp massiv f’reġjun fejn l-istess Awtorità wriet il-ħtieġa ta’ master plan. Il-KA qalet li lanqas tista’ tifhem kif ir-rappreżentati tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni vvutaw favur dan il-proġett. Il-KA staqsiet x’inhuma l-prijoritajiet tal-partiti politiċi.
Il-KA qalet li temmen li l-impatt kumulattiv tal-proġetti kollha f’Paceville u l-Bajja ta’ San Ġorġ għad jinħassu ’l quddiem.
Il-KA wissiet li wieħed għandu joqgħod attent mill-frażi tal-iżviluppaturi biex isir “żvilupp mill-ġdid” li skont il-Kummissjoni tirreferi għall-qerda tal-wirt arkitettoniku.
Il-KA qalet li sakemm l-ERA u s-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali ma jkollhomx is-saħħa tal-veto f’kull deċiżjoni kontroversjali li jkollha quddiemha l-PA, se jibqgħu jittieħdu deċiżjonijiet li ma jpoġġux il-ġid komuni fuq quddiem.
Tista' taqra l-istqarrija sħiħa tal-KA hawn.