Wara li Newsbook.com.mt kien ħabbar li l-impjegati tal- Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) ntalbu jagħtu parti mill-paga lura, Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-FES se toħroġ struzzjonijiet ġodda fil-jiem li ġejjin.
Kelliem għall-FES kien qal li l-iżball seħħ minħabba li kien hemm xi setting u inputting ħżiena fis-sistema tal-payroll u minħabba f’hekk ġie ġġenerat aktar vacation leave milli suppost għan-numru ta’ sigħat li l-ħaddiema suppost jaħdmu.
Għal din ir-raġuni, għadd ta’ ħaddiema ħadu pagi żejda li kienu jibdew minn €2.17 u jibqgħu telgħin sa €473.14, bil-medja tkun dik ta’ €70.
Fi stqarrija, l-FES qalet li se tkun qed tikkuntattja mill-ġdid lill-impjegati fil-ġimgħat li ġejjin sabiex tgħaddi struzzjonijiet u kjarifiki ġodda.
Spjegat ukoll li f’dawn l-aħħar ġimgħat kienet għaddejja b’diskussjonijiet ma’ diversi partijiet ikkonċernati sabiex tassigura li min ġie affettwat jingħata metodi flessibbli biex jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu.
Il-Fondazzjoni talbet lil dawk ikkonċernati sabiex isegwu l-istruzzjonijiet spjegati fil-korrispondenza li se tintbagħat fil-jiem li ġejjin qabel ma jagħmlu l-pagament.