Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista qal li qed iħeġġeġ lil kulħadd biex ma jibqax isofri fis-skiet minħabba l-perċezzjoni tal-pubbliku dwar is-saħħa mentali.
Fi stqarrija, Deo Debattista ħabbar li huwa l-ewwel Membru tal-Parlament li se jkun ambaxxatur tal-kampanja StopStigma. Qal li din il-kampanja tfasslet mill-istudenti tad-Dipartiment tas-Saħħa Mentali u mill-Kummissjoni għas-Saħħa Mentali f’Novembru li għadda.
Fi kliem Debattista, StopStigma għandha l-għan li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-istigma u l-perċezzjoni skorretta li dwar is-saħħa mentali.
Is-Segretarju Parlamentari qal li s-saħħa u d-dinjità tal-individwu huma prijoritajiet għall-Gvern. Kompla jgħid li b’kampanji bħal dawn se qajjem aktar għarfien dwar kundizzjonjiet differenti ta’ saħħa mentali, il-kura li hawn disponibbli, kemm bil-mediċina u kemm permezz ta’ counselling.