Il-Professur fl-Università ta’ Malta, Arnold Cassola, qal lil Newsbook.com.mt li bħalissa l-Bord tal-MATSEC qed ifassal eżami tal-Malti bħala lsien barrani, li madankollu jistgħu japplikaw għalih mhux barranin biss, iżda Maltin ukoll.
Dan l-eżami jsegwi l-Livell 3 tal-Qafas Malti tal-Kwalifikazzjonijiet (MQF3), jiġifieri fil-Livell tal-‘O’ Level, u miegħu qed jiġu ffinalizzati żewġ eżamijiet oħra, wieħed li jsir bħal kull sena għal min irid joqgħod għall-eżami tal-Malti, u ieħor tal-Malti Applikat, li skont Cassola għad m’hemmx sillabu għalih, u lanqas ċarezza dwar x’jinvolvi.
Cassola, li jgħallem il-Letteratura Maltija fl-Università, irrimarka li huwa tajjeb li l-pajjiż ikun joffri ċ-ċans għall-barranin biex jitgħallmu l-Malti, imma jaraha ta’ disprezz lejn l-ilsien nazzjonali, li anki l-Maltin jistgħu ipoġġu għal dan l-eżami.
Jekk Malti jagħżel li jagħmel l-eżami tal-Malti bħala lsien barrani, dan se jkollu l-istess valur ta’ Malti ieħor li għamel l-eżami tal-Malti mfassa appuntu għall-Maltin, u mhux għall-barranin.
Il-professur qal li jibża’ li din l-anomalija toħloq eżami tal-Malti li jsir tat-tieni klassi, għax ikun hemm Maltin li jippreferu wieħed milli l-ieħor.
Tajjeb jingħad li l-Malti bħala lsien barrani mhuwiex l-istess bħala l-Malti bħala lsien nazzjonali, għax jitlob kompetenzi differenti.
Madankollu, skont Cassola, jekk dan l-eżami tal-Malti bħala lsien barrani jkunu jistgħu jibdew jagħmluh il-Maltin ukoll, mela qed tiġi sfidata wkoll liġi li sejħilha “naturali”, jiġifieri li l-lingwa materna tibda titqies bħala lingwa barranija.

Cassola temm jgħid li dan il-pjan kien ilu jinħema, u jemmen li finalment jekk isir, se jkun qed isir għan-numri u l-fondi Ewropej.
“Aktar studenti l-università jfisser aktar sussidji u fondi Ewropej, is-soltu storja”, kienu l-aħħar kummenti.
Sadanittant, Newsbook.com.mt bagħat xi mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni, iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni għadna ma rċevejniex tweġiba. 
"L-Ingliż għandu jaqlibha lill-Malti bħala lingwa li biha jsir it-tagħlim" – Evarist Bartolo
Ta' min wieħed jiftakar ukoll li fl-2011, meta l-Ministru għall-Edukazzjoni kien għadu kelliem tal-Oppożizzjoni, kien qal fil-Parlament li jidhirlu li l-Ingliż għandu jkun il-lingwa tat-tagħlim, u jieħu post il-Malti fl-iskejjel.
Dakinhar il-President tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ilsien Malti, Manwel Mifsud, kien ikkundanna dan il-kumment.
"Rotot differenti biex nilħqu lit-tfal kollha" – il-Ministeru
Sadanittant, il-Ministeru wieġeb għal dak li rrapporta Newsbook.com.mt, u qal li għaddejja diskussjoni biex il-Malti jintuża minn faxxa ikbar ta’ nies, kemm Maltin kif ukoll barranin.
"Li se jiġi diskuss mhu se jbiddel xejn milli hemm bħalissa, iżda se joffri rotot ġodda ta’ tagħlim għal dawk li llum il-Malti ma jużawhx", qalet l-istqarrija tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Aċċenna għall-fatt li hawn studenti Maltin li l-ewwel ilsien tagħhom mhuwiex il-Malti, u allura t-tagħlim u l-assessjar tat-tagħlim tal-Malti jridu jiġu aġġornati biex jirriflettu dawn ir-realtajiet soċjokulturali u lingwistiċi.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-Malti hu wieħed minn erba’ lingwi fl-Unjoni Ewropea li qiegħed fil-periklu li jiddgħajjef fl-era diġitali u kull wieħed minna għandu d-dmir li jsaħħaħ u jxerred iżjed il-Malti.