Fondazzjoni ġdida se tkun qed tieħu ħsieb li partijiet importanti u ta’ valur ekoloġiku fuq Manoel Island ikunu mħarsa.
Dan kollu se jibda jseħħ mil-lum, wara li kien hemm ftehim bejn il-Kunsill Lokali tal-Gżira u l-konsorzju MIDI, li stabbilixxew il-Fondazzjoni Manel Island biex tagħmilha ta’ għassies tad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet miftihma bejn il-MIDI u l-Kunsill Lokali.
Il-fondazzjoni mhux se tkun qed topera biex tagħmel il-profitti.
Is-saga ta’ Manoel Island lura fl-2016 kienet qanqlet diversi reazzjonijiet mill-Gvern, l-Oppożizzjoni, u diversi entitajiet, fosthom il-Moviment Graffitti li waqt protesta kien qaċċat il-ktajjen li kienu qed iżommu lill-pubbliku milli jaċċessa partijiet kbar minn dil-gżira żgħira.
Fi stqarrija llum il-MIDI qalet li l-Kumitat Amministrattiv tal-Fondazzjoni se jibdab’ erba’ membri, li huma Conrad Borg Manchè, is-Sindku tal- Gżira, elett bħala ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni, Dr Claire Bonello, Ralph Mangion, id-Deputat Sindku tal- Gżira, u Mark Portelli, Kap Eżekuttiv tal-MIDI.
Fil-Ftehim tal-Ħarsien li ġie ffirmat illum, il-MIDI hi obbligata li toffri aċċess għall-pubbliku għall-Park Pubbliku, għax-Xatt, għaż-Żona tal-Għawm u għall-Forti Manoel.
Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, Il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Chris Agius, attendew għall-iffirmaw tal-ftehim li sar fil-Forti Manoel.
MIDI hija obbligata li tirranġa l-parti li ddawwar il-Forti biex b’hekk tagħti lill-pubbliku aktar minn 80,000 metru kubu ta’ spazju pubbliku għal park biex jitgawda mill-pubbliku għaż-żmien li ġej.
Għalkemm MIDI mhix sidt ix-xatt, il-Ftehim tal-Ħarsien jassigura li x-xatt ikun aċċessibbli fil-ħinijiet kollha u l-kumpanija ntrabtet li titlaq minn idha nħawi li għall-bidu kienu indikati għall-irmiġġ biex b’hekk tipprovdi ħarsien għaż-żoni fejn isir l-għawm fuq in-naħat tat-Tramuntana u l-Lvant tal-gżira.
Il-Masterplan rivedut bħalissa qed ikun ikkunsidrat mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA), u bħala parti mill-proċess il-MIDI qalet li qed tipprepara Assessjar tal-Impatt Ambjentali skont kif mitlub mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
"Mudell ta’ relazzjoni ġdida bejn l-investituri u l-komunità" – Joseph Muscat
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru, Josephn Muscat, qal li dan il-ftehim bejn l-investituri u l-komunità se jservi bħala mudell għal ħaddieħor.
Fakkar li dan kollu beda minn protesti ta’ nies ġenwini li ħassew li parti kbira minn ħajjithom se tingħalaq b’xatba
“Il-Gvern kellu għażla li ma jagħmel xejn, li jorbot idejh u jgħid li dan kien ftehim li sar qabel żmienna u allura ma nistgħu nagħmlu xejn. Kienet tkun skuża konvenjenti anke politikament. Minflok għażel li jieħu t-triq l-iktar diffiċli u jiffaċilita biex tinstab soluzzjoni denja għal kulħadd”, qal Muscat.
"Aħbar pożittiva immens" – Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA)
Il-kelliema għall-organizzazzjoni mhux governattiva Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), Tara Cassar, qalet li dal-ftehim hu aħbar pożittiva immens.
L-FAA faħħret id-deċiżjoni biex il-Forti Manoel ikun inkluż u riżervat għal attivitajiet kulturali u kummerċjali, minflok kif kien propost qabel li ssir lukanda. Semmiet ukoll id-deċiżjoni li jinbena park gġall-familja, u li fih ma jkunx hemm żvilupp.
"Din hija rebħa għall-pubbliku, li ġiet frott id-diskussjoni bejn il-partijiet ikkonċernati. Grazzi lil kull min baqa' jemmen f'dil-kawża", ittemm l-istqarrija tal-FAA.
Ritratt: DOI – Kevin Abela