Il-Kardinal Karl Lehmann, li għal żmien twil kien President tal-Konferenza Epsikopali Ġermaniża u teologu rrispettat ħafna li ħa sehem fil-Konċilju Vatikan II, miet nhar il-Ħadd li għadda fl-età ta’  81 sena.
Hu miet fid-dar tiegħu f’Mainz wara li f’Settembru li għadda tagħtu puplesija u saħħtu baqgħet sejra lura.
F’nota li l-Papa Franġisku bagħat lill-Isqof Peter Kohlgraf ta’ Mains, esprima l-kondoljanzi tiegħu filwaqt li rrikonoxxa kif is-servizz tal-Kardinal Lehmann “bidel il-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà”.
Il-Papa qal li Lehmann dejjem kien jimpurtah li jkun miftuħ għall-isfidi tal-ġurnata u joffri risposti u gwida bbażati fuq il-messaġġ ta’ Kristu biex jakkumpanja lin-nies fil-vjaġġ tagħhom u jfittex dak li jgħaqqad irrispettivament mit-twemmin reliġjuż u l-pajjiżi.
Min-naħa tiegħu l-Kardinal Reinhard Marx, il-President attwali tal-Konferenza Episkopali Ġermaniża qal, “Inħsadt u tnikkitt bl-aħbar tal-mewt ta’ ħuna u ħabibna. Bil-mewt tiegħu tlifna Isqof uman b’qalb kbira li l-qawwa ta’ kliemu kienet tiddistingwih”.
“Niftakar fl-ewwel laqgħat li kellna flimkien li nibqa’ niftakar għax kienu laqgħat sbieħ u miftuħa u mimlija entużjażmu għad-dibtattitu teoloġiku”, kompla l-Kardinal Marx.
Il-mewt tal-Kardinal Lehmann kienet irrappurtata bi prominenza fil-midja Ġermaniża b’kummenti ta’ tifħir għall-ħidma tiegħu fost l-opinjonijiet b’saħħithom, il-personalità u l-intellett tiegħu.
Il-Kanċillier Ġermaniża, Angela Merkel, f’messaġġ qalet li tibqa’ grata ħafna għal-laqgħat u konverżazzjonijiet li kellha mal-Kardinal Lehmann matul is-snin.
Iddeskrivietu bħala “medjatur eċċezzjonali” mhux biss fit-taħditiet bejn il-Kattoliċi Ġermaniżi u l-Vatikan, imma wkoll f’taħditiet ma’ Nsara ta’ denominazzjonijiet oħra.