Fl-Isptar Mater Dei illum tħassru minn tal-inqas 20 operazzjoni minħabba influss qawwi ta’ persuni li daħlu fl-aħħar 72 siegħa.
Newsbook.com.mt rċieva din l-informazzjoni, u meta staqsejna lill-Kap Eżekuttiv tal-isptar jikkonferma hux minnu jew le, Ivan Falzon irrimarka li għadd kbir ta’ pazjenti kellhom jinżammu l-isptar.
Sostna li l-amministrazzjoni tkellmet ma’ numru ta’ professjonisti u esperti fil-qasam ġie deċiż li numru ta’ interventi mhux kritiċi se jiġu posposti għal data oħra fil-futur qrib.
Falzon ma tax data speċifika ta’ meta se jsiru l-interventi li kellhom isiru llum, iżda serraħ ras in-nies li interventi relatati ma kanċer jew oħrajn fejn intervent fil-ħin huwa kritiku għas-saħħa tal-pazjent se jkomplu għaddejjin normali.
Aktar kmieni llum Newsbook.com.mt irrapporta li kien hemm diż-żieda qawwija ta’ pazjenti f’Mater Dei, meta kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa qaltilna li t-Tnejn u t-Tlieta kienu jumejn qawwija ħafna.
Il-kelliema spjegat li għadu kmieni wisq biex tiġi ddeterminata r-raġuni wara dan l-influss ta’ pazjenti.