Il-Kardinal Vincent Nicholas tkellem dwar il-“konfużjoni kbira” dwar l-identità tal-ġeneru u appella lill-Kapijiet tal-Iskejjel fl-Ingilterra biex jgħaddu lill-istudenti tagħhom il-valuri tal-familja u l-komunità minflok dawk tal-individwaliżmu.
Meta kien qed jindirizza l-Konferenza Annwali tal-Kapijiet tal-Iskejjel, il-Kardinal Nicholas kien irrappurtat li qal: “F’dinja ta’ inċertezza, anke fejn tidħol l-identità tal-ġeneru, hemm affarijiet ċerti li jiġu mit-twelid u minn identitajiet ċerti.  Dan hu important ħafna”.
Il-Kummenti tal-Kardinal saru fi żmien meta d-dibattitu pubbliku fir-Renju Unit qed ipoġġi fuq l-edukaturi r-responsabbiltà li jirrispettaw l-għażla ta’ dawk it-tfal li jagħżlu li jidentifikaw lilhom infusom ma’ ġeneru li ma tweldux bih.
Jidher li l-kummenti tal-Kardinal Nicholas ma jaqblux mal-pożizzjoni taċ-Church of England li qed tinkoraġixxi lit-tfal jesploraw id-diversi identitajiet li jeżistu.
Fi gwida li ħarġet riċentement dwar l-ibbuljar fl-iskejjel, iċ-Church of England qalet  li “tifel jista’ jagħżel it-tiara ta’ prinċipessa u t-tkaken għoljin jew l-elmu tal-pumpier u l-libsa tal-eroj” bla ma jsiru kummenti dwaru.
Kelliem għall-Kardinal Nicholas qal li l-Isqfijiet Ingliżi se jiddiskutu s-suġġett tal-identità tal-ġeneru fil-laqgħa tagħhom f’April li ġej u minn hemm toħroġ gwida għas-saċerdoti dwar is-suġġett.
F’Diċembru li għadda, għalliem Kattoliku tkeċċa minn skola sekondarja meta rrifera għal student transgender bħala tifla meta l-istudent kien jidentifika lilu nnfisu bħala tifel.
Grupp ta’ saċerdoti dan l-aħħar ħarġu stqarrija dwar l-isfidi tal-ideoloġija tal-ġeneru u sostnew li din hi kwestjoni pastorali urġenti. Il-Knisja tagħallem li l-identità sesswali mhux kunċett fluwidu imma parti important mill-indvidwu, magżħul minn Alla.
Madankollu, fl-aħħar snin in-numru ta’ dawk li qed ifittxu li jibdlu s-sess kiber ħafna.
Fl-2016 il-Papa Franġisku kien tkellem dwar dan is-suġġett u sejjaħlu “kolonjaliżmu ideoloġiku”.