L-eks-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, qal li l-Ispiker tal-Kamra, Anġlu Farrugia, ikkonfermalu li ma jistax jistaqsi fil-Parlament lill-Prim Ministru, Joseph Muscat, dwar jekk Keith Schembri għandu kontijiet bankarji f’Dubaj u l-Bank Pilatus.
Fuq Facebook kiteb li din id-deċiżjoni hi assurda, iċċaħħdu mid-dritt li għandu bħala Membru Parlamentari biex jistaqsi u jiskrutinja lill-Gvern, u finalment tibda toqtol bil-mod id-demokrazija tal-pajjiż.
Il-kwistjoni ilha għaddejja mil-lbieraħ, meta Busuttil talab lill-Ispiker biex jirrekuża ruħu minn ruling dwar mistoqsijiet parlamentari li jittrattaw liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.
Busuttil sostna li l-mistoqsija tieghu saret fl-interess pubbliku u Malta kien pajjiz liberu u mhux Pyongyan (il-kaptali tal-Korea ta’ Fuq).
Il-mistoqsijiet ta’ Busuttil ġew miżmuma mill-Ispiker fuq il-bażi li l-informazzjoni mitluba ma kinitx fl-interess pubbliku.
Dr Busuttil qal li peress li l-Ispeaker kien diġà esprima ruħu fuq dan is-suġġett kien qed jitlob lid-Deputat Speaker, Claudette Buttigieg biex tagħti dan ir-ruling.

Sadanittant fis-seduta tal-lum waranofsinhar, l-Ispiker qal li l-mistoqsijiet parlamentari indirizzati lill-Ministri iridu jkollhom x’jaqsmu mal-affarijiet pubbliċi li jkunu jittrattaw, u jrid ikollhom bażi fattibbli, u mhux jippruvaw sempliċiment jikkonfermaw xnigħat tal-midja.
Busuttil qal li se jappella minn din id-deċiżjoni, li aktar tard fuq Twitter sejjaħ bħala assurda u perikoluża, għax ittellfu mid-dritt tiegħu ta' membru parlamentari, li jżomm lill-Gvern taħt skrutinju. Huwa qal li huwa b’hekk li d-demokrazija tibda tmut.