Il-programm Follow Up tal-Erbgħa 14 ta' Marzu jibda billi jiddiskuti l-aħbar tal-ġurnata fuq fomm kulħadd: il-mewt ta' Stephen Hawking. Min kien u x'biddel fid-dinja? Dwar dan nitkellmu ma' Dr. Ing. Nicholas J. Sammut, Deputat Dekan fil-Fakultà tal-ICT fl-Università ta' Malta. 
Imbagħad, nsewgu intervista xokkanti li ħejja l-ġurnalist ta' Newsbook.com.mt Ian Noel Pace fejn omm tirrakonta kif bintha żammet lil missierha milli jsawwatha u spiċċat weġġgħet hi. 
Nitkellmu wkoll ma' Julian Azzopardi, il-Kap Eżekuttiv tal-JAYE Malta (magħruf bħala il-Young Enterprise), fejn se jiġi offrut taħriġ lil 3,000 student mill-primarja sal-Università dwar il-ħiliet li hemm bżonn fis-suq tax-xogħol. Se nistaqsu: "X'ħiliet taraw li għandhom bżonn iktar l-istudenti tal-lum għal meta jibdew jaħdmu?" 
Fuq l-istess tema, Joslyn Magro mill-NSO se tgħidilna jekk l-ħaddiema f'Malta inbidlux minn 10 snin ilu. 
Fl-aħħar nett, ma' Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, se nfakkru l-50 sena minn mindu twaqqfet din id-dar. 
Tippreżenta Sylvana Debono.