Transport Malta qed tavża lil dawk li jgħaddu bil-vetturi tagħhom minn Raħal Ġdid u l-Marsa, li se jkunu qed isiru xi xogħlijiet.
Xogħol ta’ asfaltar fi Triq il-Baċir f’Raħal Ġdid se jibda għada fid-9am, bil-ħaddiema jqaxxru l-wiċċ eżistenti tat-triq. Imbagħad l-asfaltar isir fil-ġranet ta’ wara. Ix-xogħol mistenni jkun lest sa tmiem il-ġimgħa.
Il-Ġimgħa billejl, se jibda l-proċess t’asfaltar fi Triq il-Biċċerija l-Marsa.  Il-ħaddiema se jqaxxru wiċċ it-triq u jagħtu l-asfalt matul tmiem il-ġimgħa.

Iż-żewġ toroq mhux se jkunu aċċessibbli għat-traffiku waqt li jkun għaddej ix-xogħol. 
Transport Malta tħeġġeġ lis-sewwieqa biex isibu toroq alternattivi u jsegwu s-sinjali li twaħħlu temporanjament fuq il-post. Tħeġġeg sewqan b’attenzjoni għas-sigurtà tagħhom u tal-ħaddiema.
Transport Malta qalet li qed tipprepara dawn iż-żewġ toroq għal influss mistenni waqt ix-xogħlijiet fil-Proġett tal-Junction tal-Marsa.