Il-Ministru ghall-Ġustizzja Owen Bonnici ħabbar fil-Parlament li mis-sena d-dieħla, waqt l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill Lokali, l-għadd tal-voti se jsir b’mod elettroniku.
Meta kien qed jiftaħ id-diskussjoni dwar emendi fl-att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, Bonnici qal li l-iktar proposta interessanti hi dik li tippermetti lill-Kummissjoni Elettorali timxi biex l-għadd tal-voti isir b’mod elettroniku.
Huwa għamilha ċara li l-emendi mhux se jippermettu li l-votazzjoni ssir b’mod elettroniku iżda l-elettorat irid jibqa’ jmur fil-post tal-votazzjoni biex jitfa’ l-polza fil-kaxxi tal-voti.
Bonnici qal li minkejja ċ-ċokon ta’ Malta, il-proċess illum idum wisq  imqabbel ma’ pajjizi oħra li r-riżultat taghhom ikun magħruf ferm qabel.
Huwa qal li dawn l-emendi għandhom l-approvazzjoni tal-Oppożizzjoni u tressqu wara li l-Kummissjoni Elettorali eżaminat il-liġi elettorali u għamlet il-proposti tagħha biex ittejjeb il-proċess.