Facebook issospendiet il-kumpanija tad-data Cambridge Analytica, kumpanija li tiġbor u tanalizza informazzjoni biex tgħin lill-politiċi.
Skont il-BBC, jingħad li din il-kumpanija għenet lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump biex jirbaħ l-elezzjoni tal-2016.
Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet qalet li l-Partit Laburista f’ Malta kien jikkonsulta ma’ Cambridge Analytica.
Fiċ-ċentru tad-diżgwid hemm il-professur ta’ Cambridge Aleksandr Kogan. Skont Facebook, dan il-professur għamel app li kienet tiġbor informazzjoni li mbagħad kien ibigħ lil terzi.
Facebook qalet li rċeviet rapporti li Cambridge Analytica u oħrajn ma kienux ħelsu minn informazzjoni li kienet inġabret b’mod mhux konformi mar-regoli ta’ Facebook.
Cambridge Analytica tgħid li kienet ħassret l-informazzjoni wara talba mingħand Facebook.
Facebook qalet li s-sospensjoni se tibqa’ fis-seħħ sakemm takkwista aktar informazzjoni.
Skont ir-rapport tal-BBC, Cambridge Analytica m’għandiex konnessjoni mal-Università ta’ Cambridge. Jingħad li l-kumpanija kellha rwol sinifikanti fl-elezzjoni ta’ Trump peress li pprovdiet informazzjoni dwar il-ħsibijiet tal-elettorat fl-Istati Uniti.
Il-kumpanija kellha rwol ukoll fir-referendum tal-Brexit fir-Renju Unit.