L-Assoċjazzjoni tal-Eks-Membri Parlamentari baqgħet tinsisti li l-ftehim li ntlaħaq bejn Gvern u Oppożizzjoni dwar il-pensjonijiet ta’ membri parlamentari, għandu jiġi onorat.
Hija qalet li 20 membru parlamentari mhux qed jieħdu l-pensjoni dovuta lilhom minħabba “anomalija fil-liġi”.
Dan wara li ġiet irtirta mozzjoni li kienet tgħid li membri parlamentari jkunu eliġibbli għal pensjoni sħiħa ladarba jilħqu l-età tal-pensjoni, anke jekk ikunu servew fil-Parlament għal terminu wieħed biss.
L-istess assoċjazzjoni spjegat kif l-ewwel attentat biex tiġi rranġata dik li qed issejjaħ bħala anomalija, kien fi Frar tal-2017.
Dwar il-każ tal-eks membru parlamentari Philip Sciberras, l-Assoċjazzjoni qalet li ma taqbilx mad-deċiżjoni tat-Teżor, u li dak iż-żmien l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali kienet taqbel ma’ dik tal-istess Assoċjazzjoni.