Il-Papa Franġisku qal li l-Kurċifiss mhux sempliċement xi ħaġa dekorattiva biex indendlu ma’ xi ħajt jew nilbsuha ma’ għonqna, imma hu sinjal importanti tat-twemmin tagħna u għandna nħarsu lejh u nitolbu quddiemu bħala sors tas-salvazzjoni tagħna.
Hu qal dan nhar il-Ħadd li għadda meta l-Vanġelu kien jistedina biex indawru l-ħarsa tagħna lejn il-Kurċifiss li mhux ornament jew aċċessorju – kultant abbużat – Imma sinjal reliġjuż biex ikun ikkontemplat u mifhum.
“L-immaġni ta’ Kristu Kurċifiss jurina l-misteru tal-mewt ta’ Iben Alla, f’att suprem ta’ mħabba, is-sors tal-ħajja u s-salvazzjoni tal-umanità dejjem. Fil-feriti tiegħu aħna fiqna.
Il-Papa Franġisku kien qed ikellem lil madwar 20,000 persuna li nġabru fi Pjazza San Pietru nhar il-Ħadd li għadda għar-reċita tal-Anġelus.  Hu staqsa lin-nies kif iħarsu lejn il-Kurċifiss, jekk hux bħala ornament jew biex jikkontemplaw dwar il-feriti ta’ Kristu.
Aħsbu għalikom, qal il-Papa: “Kif inħares lejn Kurċifiss? Bħala opra tal-arti biex nara hux sabiħ jew le? Jew inħares fuq ġewwa, lejn il-feriti ta’ Kristu, lejn qalbu? Inħares lejn il-misteru ta’ Alla mkisser sal-mewt, bħala skjav, bħala kriminal?”
Il-Papa għamel suġġeriment prattiku għad-devozzjoni tal-poplu: Ħarsu lejn il-Kurċifiss u itolbu l-Missierna għal kull waħda mill-ħames feriti ta’ Kristu. “Meta nitolbu l-Missierna, aħna nippruvaw nidħlu mill-feriti ta’ Ġesà sal-qalb. U minn hemm nitgħallmu l-għerf kbir tal-Misteru ta’ Kristu, l-għerf kbir tas-salib”.
Hu rrifletta wkoll fil-kliem ta’ Ġesù fl-Evanċelju ta’ San Ġwann fejn jgħid: Tassew tassew ngħidilkom jekk iż-żbula tal-qamħa ma taqax fl-art u tmut, tibqa’ biss żbula, imma jekk tmut tagħti ħafna frott?
Hawnhekk Ġesu jikkumpara lilu nnifsu ma’ żbula tal-qamħ li “tmut fuq l-art u tiġenera ħajja ġdida”, qal il-Papa. Bl-Inkarnazzjoni, Ġesù ġie fid-dinja; imma dan ma kienx biżżejjed: Kellu jmur ukoll, biex jifdi l-bniedem mill-iskjavitu tad-dnub u jagħtih ħajja ġdida rrikonċiljata fl-imħabba”.
Din il-ħajja ġdida tilħaq il-milja tagħha fi Kristu, imm “imma trid tkun irrealizzata wkoll fina, id-dixxipli tiegħu.  Irridu nitilfu ħajjitna f’din id-dinja biex naqilgħu l-ħajja eterna fid-dinja l-oħra.
Xi jfisser li nitilfu ħajjitna, li nkunu ż-żbula tal-qamħa? staqsa l-Papa. “ifisser li  rridu naħsbu anqas fina nfusna, dwar l-interessi personali tagħna u nsiru nafu kif naraw u naqdu l-bżonnijiet tal-oħrajn, speċjalment l-iżgħar fosthom”.
Hu saħaq li l-komunitajiet tagħna jridu jkunu bażati fuq dan il-pedament, nikbru fl-aċċetazzjoni ta’ xulxin, fil-ferħ, fl-imħabba l-aktar għal dawk li qed isofru kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispritu.