Lukanda boutique fi Pjazza Indipendenza, fir-Rabat Għawdex, magħrufha aħjar bħala it-Tokk, mistennija jkollha aċċess għall-foss taċ-Ċittaddella, b’żieda ta’ sular fuq il-bejt eżistenti.
Dawn il-bidliet se jfissru li jinfetħu żewġ twieqi u bieb mill-ħajt tal-foss għal-lukanda daqshekk rajt il-veduta tal-arloġġ taċ-Ċittadella mit-Tokk.
Dwar dan tkellmet l-għaqda li tippromwovi l-kultura Għawdxija, Wirt Għawdex, li fi stqarrija qalet li “l-interessi kummerċjali invadew il-foss taċ-Ċittadella”.
Saħqet li hemm anomalija għas-sigurtà taċ-Ċittadella minħabba li n-nies jistgħu jidħlu u joħorġu mill-bieb tal-lukanda bl-entratura ġdida li nfetħet, 'il ġewwa mix-xatba li tkun mgħassa mill-uffiċjali tas-sigurtà.
Tabelli u siġġiet fuq ħajt storiku?
Wirt Għawdex qed tbassar li jekk dawn it-twieqi u l-bieb ġodda li nfetħu jwasslu għat-twaqqif ta' tabelli u siġġijiet għall-mistednin fil-lukanda, ikun ifisser l-ħidma li kienet saret biex jiġu ppreservari l-ħitan oriġinali waqt ir-restawr jisfaw fix-xejn.
Wirt Għawdex qalet li l-proġett għar-restawr u r-rijabilitazzjoni taċ-Ċittadella kofinanzjat mill-UE sofra ksur serju peress li l-interessi kummerċjali komplew jidħlu fuq il-foss”.
Spjegat li dar storika Għawdxija tas-seklu tmintax fiċ-ċentru tal-Belt Victoria se tiġi mibndula f’lukanda boutique. Sostniet li għalkemm bħala għaqda mhix kontra r-rijabilitazzjoni ta’ djar antiki biex isiru abitabbli, qalet li ma setgħetx ma tikkumentax “għall-abbuż flagranti mill-awtoritajiet ikkonċernati.”
Tgħid li fi tmien ġranet biss, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali bidlet fehmtha bfejn filli qalet li l-iżvilupp se jħalli impatt ħażin fuq il-monument storiku taċ-Ċittadella u wara qalet li ma hemmx perikli evidenti.
X’qed titlob Wirt Għawdex?

  • Qed tappella lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jonoraw dmirijiethom skont il-Kostituzzjoni u jaħdmu “biex iwaqqfu l-abbuż flagranti u sistematiku tal-istupru tal-wirt tagħna”.
  • Qed titlob biex terġa ssir verifika tal-permess biex jiġu eliminati żewġ problemi li jinkludu, id-daħla għal ġol-foss u t-telfa permanenti tal-veduta tal-arloġġ mill-Pjazza tat-Tokk.