2 minuti qari

Freddie ‘Il-Qsima’, Żabbari li kien jaħdem it-Tarzna, 10 snin ilu sofra puplesija qawwija li kważi waqqfitlu l-funzjoni tal-organi kollha.
Minn dakinhar Freddie ma seta’ jagħmel xejn waħdu. La jiekol, la jixrob, la jitkellem, la jaqdi l-bżonnijiet naturali tiegħu u saħansitra lanqas jibla’.
Tul dawn l-10 snin Freddie għex il-vera mħabba ta’ martu Maria hekk kif ħadet ħsiebu 24 siegħa kuljum sal-aħħar nifs ta’ ħajtu.
Meta kont intervistajt lill-koppja tliet snin ilu rajt id-dedikazzjoni u l-impenn li Maria kellha lejn żewġha. Kuljum, lejl u nhar, Maria kienet tara li Freddie ma jonqsu xejn. Ħaġa li tinstema’ diffiċli u hekk kienet, speċjalment meta tqis li Freddie ma seta’ jagħmel xejn u Maria kellha 60 sena.
Kontra dak li qalulha l-professuri, Freddie għex f’daru bil-kura li tatu martu. Din il-kura ma waqfitx lanqas meta Maria għaddiet mill-marda tal-kanċer.
“Min se jieħu ħsieb Freddie?” kienet l-ewwel mistoqsija tagħha hekk kif ingħatat l-aħbar li kellha kanċer.
Kif naraw fil-filmat, Maria qandlet lil Freddie bosta drabi kuljum tant li f’10 snin żewġha qatt ma kellu bedsore.
Maria hija mara ta’ fidi kbira u dejjem talbet biex il-Mulej jagħtiha l-grazzja li tibqa’ ħajja aktar minn Freddie. Le, mhux b’egoiżmu, imma biex hi tkun ċerta li Freddie jsib min jieħu ħsiebu kif jixraqlu u kif kellu bżonn. Hekk seħħ.
Ftit jiem ilu Freddie ħalliena. Minkejja t-telfa tiegħu martu tidher serena.
“Fl-aħħar mar jistrieħ. Mar ħdejn il-Mulej. Daqshekk bata,” lissnet Maria waqt li kont għadni qed narma l-kamera u l-mikrofonu.
“Issa għandi seba’mitt sena biex nerġa’ niltaqa’ miegħu la mmut jien,” qaltli b’ entużjażmu liema bħalu.
Strieħ fis-sliem, Fred.

Filmati: Ian Noel Pace u inewsmalta