L-eks Gvernatur tal-Bank Ċentrali Francis Vassallo qal li jistgħaġeb dwar kif ġie liċenzjat il-Bank Pilatus.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK103FM, Vassallo qal li jaħdem ta’ sikwit mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) u qal li “hemm ħafna persuni tajbin”.
Mistoqsi mill-preżentatur Fr Joe Borg dwar xi jfisser l-arrest tas-sid tal-Bank Pilatus, Vassallo qal li r-reputazzjoni ta’ Malta fis-settur finanzjarju ġiet imħammġa. Spjega li hija importanti li r-reputazzjoni ta’ pajjiż ikun intatt.
Fi kliem Vassallo, li jinstab li Ministru Malti u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru jkollhom kontijiet fil-Panama ma jkissrux ir-reputazzjoni Maltija. Żied jgħid li jekk jinstab li bank ikun qed jagħmel “affarijiet ħżiena” lanqas ikisser ir-reputazzjoni ta’ Malta. Qal li r-reputazzjoni ta’ Malta tinkiser meta l-awtoritajiet ma jagħmlu xejn fil-konfront ta’ dan kollu.
Waqt il-programm, Vassallo qal li jekk l-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus ikollha suspett li jkun qed isir xi ħasil tal-flus, din imbagħad trid tibgħat rapport lill-Pulizija. Żied jgħid li jekk imbagħad ma jiġri xejn, dan ikun ħażin. Huwa fakkar kif l-FIAU kienet bagħtet rapporti lill-Pulizija Maltija u fakkar li ma ttieħdux passi.
Vassallo spjega li l-ħasil tal-flus huwa reat kriminali. Qal li għalkemm l-MFSA għanda ċertu responsabbilitajiet, il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jridu jiġu nvoluti wkoll.
Vassalo qal li huwa sorpriż li l-MFSA ma sabet xejn suspettuż dwar sid il-bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad. Spjega wkoll li ċ-ċirkostanzi tal-liċenzjar tal-bank ma kienux normali.
Vassallo qal ukoll li kull azzjoni li tittieħed fil-konfront tal-bank trid tittieħed malajr kemm jista’ jkun. Qal li dan għaliex l-evidenza tista’ titneħħa f’ħakka t’għajn permezz tal-kompjuters.