Jekk sibt dan -artiklu minn fuq Facebook inti żgur li s'issa mintix wieħed minnhom.
Is-CEO ta’ Facebook Mark Zuckerberg fl-istqarrija tiegħu quddiem is-Senat Amerikan f’Washington din il-ġimgħa qal li l-ammont ta’ nies li ħassru għal kollox il-kont tagħhom fuq Facebook b’mod permanenti hu żgħir ħafna, tant li ma jagħmilx differenza u saħansitra ma jfisser xejn.
Huwa qal dan fid-dawl tal-invetigazzjoni ta’ Facebook u Cambridge Analytica, li kienu jaħdmu flimkien, wara li din tal-aħħar serqet l-informazzjoni u dejta personali ta’ milljuni ta’ utenti tas-sit soċjali tant popolari.
Hekk kif il-hashtag #DeleteFacebook aktar ma jmur dejjem qed issir aktar popolari, skont sondaġġ li għamel il-grupp ta’ riċerkaturi teknoloġiċi Techpinions aktar minn 3 miljun persuna ħassret il-kont tagħha ta’ Facebook b’mod permanenti minn meta sar magħruf il-każ tas-serq tal-informazzjoni.
Is-sondaġġ wera’ li:

  • 17% tal-Amerikani ħassru l-app ta’ Facebook minn fuq il-mowbajl għax kienu konċernati dwar in-nuqqas ta’ privatezza.
  • 35% qalu li qed jużaw Facebook inqas minn qabel minħabba l-biża’ ta’ nuqqas ta’ privatezza u sigurtà.
  • 9% ħassru l-kont tagħhom b’mod permanenti.

Dan ifisser li fl-Istati Uniti biss s’issa kien hemm madwar 32,570,000 persuna li ħassru l-kont tagħhom ta’ Facebook għal kollox. Numru li fil-verità żgur li jagħmel differenza għat-2.2 biljun persuna li kienu jużaw Facebook qabel ma sar magħruf il-każ ta’ Cambridge Analytica.