Petra Borg Urso ngħaqdet mat-tim ta’ Beacon Media Group, li jinkludi lill-RTK 103FM, Newsbook.com.mt u l-Media Centre bħala l-ewwel maniġer għall-iżvilupp tan-negozju fi ħdan il-kumpanija.
Petra għandha esperjenza kemm fil-kummerċ kif ukoll fil-marketing fl-industrija tal-midja minħabba pożizzjonijiet li kienet tokkupa qabel. F’xogħolha kapaċi tikkrea u tiddisinja kampanji u strateġiji sabiex twassal il-prodotti u l-inizjattivi lill-udjenzi kkonċernati.
Petra ngħaqdet mal-maniġment tal-Beacon Media Group, immexxi mill-Kap Eżekuttiv Anton Attard, u se tkun pass importanti fir-ristrutturar ta’ Newsbook.com.mt, RTK 103FM u Media Centre.
Fi stqarrija, Beacon Media Group ħabbru wkoll li se jsir tibdil kbir fid-dehra tal-websajt ta’ Newsbook.com.mt, kif ukoll se titnieda verżjoni bl-Ingliż fix-xhur li ġejjin. Dan flimkien ma’ studios ġodda li se jkunu qed jintużaw minn RTK 103FM li se jintroduċu livell aqwa ta’ radju viżwali.