Minkejja li l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza flimkien jiffurmaw ħafna minn dak li n-nies issejħu l-Punent, kienu bosta l-persuni li kkritikaw il-mossa ta’ dawn it-tliet pajjiżi, li jumejn ilu ddeċidew li jitfgħu missili fuq is-Sirja, minkejja twissijiet mir-Russja biex dan ma jsirx.
L-Istati Uniti u l-alleati tagħha ġġustifikaw dan l-attakk bħala risposta għal dak li ġara fil-belt ta’ Douma fis-Sirja l-ġimgħa l-oħra, meta allegatament seħħ attakk kimiku fuq in-nies.
Il-Gvern Sirjan dejjem ċaħad li kien hu li tefa’ dawn l-armi fuq niesu, u r-Russja qed issostni li f’dil-belt ma nstabux traċċi ta’ kimika.
Sadanittant, f’Washington quddiem il-White House nġabru diversi dimostranti kontra dal-pass tal-qawwiet mill-Punent, u anki f’Chicago.
Il-mexxej Demokratiku fis-Senat Amerikan, Chuck Schumer, wissa li azzjoni bħal din se titfa’ lill-Istati Uniti fi gwerra eħrex fis-Sirja.
Min-naħa tagħha, is-Senatur Demokratiku Elizabeth Warren qalet li l-President Amerikan, Donald Trump, irid jieħu l-permess tal-Kungress Amerikan wara li jipprovdi strateġija komprensiva.
Fir-Renju Unit, il-Mexxej tal-Partit Laburista, Jeremy Corbyn, kien voċiferu kontra d-deċiżjoni tal-Prim Ministru, Theresa May, u qal li bil-bombi mhu se jissolva xejn.
Staqsa dwar il-bażi legali ta’ dawn l-attakki, u jrid li għada jittieħed vot parlamentari.
Fi Franza, il-Mexxej ta’ Les Republicains, partit konservattiv fl-oppożizzjoni, Laurent Wauquiez, qal li dan l-attakk kien attakk għalih innifsu biss, b’ebda strateġija warajh.
Jirrimarka li jekk Bashar al-Assad ibbumbardja lil niesu bil-kimika, mela jrid iwieġeb lill-Qorti Kriminali Internazzjonali.
Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, kien ikrritikat ukoll mil-lemin estrem, meta l-mexxej tal-lemin estrem Marine le Pen qalet li Franza tilfet iċ-ċans li tasserixxi ruħha bħala pajjiż indipendenti.