F’ittra indirizzata lil rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, 275 kittieba internazzjonali ikkundannaw il-kummenti taċ- ċerpersin tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef dwar il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, billi sostnew li mhumiex kummenti li għandhom jiġu minn persuna fil-pożizzjoni tiegħu.
Fl-ittra, mijiet ta’ kittieba tal-PEN International qalu li l-irwol taċ-Ċerpersin tal-Fondazzjoni Valletta 2018 huwa li jagħti sapport u jippromwovi l-kultura u l-midja, azzjoni li tinkludi l-ħelsien li wieħed jikkritika u jinvestiga dawk fil-poter. Għal din ir-raġuni jemmnu li l-aġir ta’ Micallef m’għandux jiġi ttolerat speċjlament meta qed jirridikola l-assassinju ta’ ġurnalista fil-qalba tal-Unjoni Ewropea.
Fl-aħħar xhur, Micallef ġie akkużat li permezz tal-midja soċjali qed jattakka l-libertà tal-espressjoni tal-attivisti billi jissuġġerixxi li kull sinjal ta’ protesta għandu jitwaqqaf jew jitneħħa.
Għal din ir-raġuni, fl-ittra indirizzata lill-President u l-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker u Frans Timmermans u d-Direttur tal-Ewropa Kreattiva, Michel Magnier, ħeġġewhom biex jinvestigaw immedjatament l-allegazzjonijiet fir-rigward ta’ Micallef, u jitolbu r-riżenja tiegħu jekk jinstab li l-allegazzjonijiet huma veritieri.
Fl-ittra, il-kittieba u ġurnalisti kitbu wkoll dwar it-tħassib tagħhom fuq l-andament tal-investigazzjoni mill-awtoritajiet Maltin fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li jemmnu li mhux qed tissodisfa l-istandards tal-indipendenza, l-imparzjalita u l-effetivita neċessarja mil-liġi internazzjonali għad-drittijiet umani.
Fakkru kif l-istess individwi li kienet qed tinvestiga Caruana Galizia għandhom il-każ tagħha f’idejhom. Għal din ir-raġuni qalu li jilqgħu l-inizjattiva tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ir-rapporteur speċjali li se jkun qed jagħmel skrutinju tal-investigazzjoni.
Fl-ittra tagħhom għamlu referenza wkoll għall-familja ta’ Caruana Galizia li issa wirtet 34 libell li kienu oriġinarjament miftuħa fil-konfront tal-ġurnalista, kif ukoll għal-libell fil-konfront ta’ binha Matthew Caruana Galizia, fejn qed jintalab mill-Prim Ministru biex jiġi lura Malta minkejja ’l fatt li s-sigurtà tiegħu mhix garantita.