2 minuti qari

It-tabib Gabriel Ellul qal li permezz ta' kampanja ġdida dwar is-saħħa mentali jixtieq li n-nies jibdew jindunaw li mhux qed ibatu waħedhom u biex jagħmlu l-kuraġġ u jfittxu l-għajnuna b'rabta mas-saħħa mentali.
Dr Ellul qal ma’ Newsbook.com.mt li t-tobba li qed jistudjaw biex jilħqu psikjatri nedew il-kampanja “Serraħ il-Menti” biex jipprovdu informazzjoni professjonali lill-pubbliku dwar il-kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa mentali.
Skont Dr Ellul, l-isfidi tas-saħħa mentali f’Malta huma l-istess bħal kull popolazzjoni oħra. Irrefera għal kundizzjonijiet bħad-dipressjoni, l-ansjetà, u l-skiżofrenja. Qal li hemm ukoll problemi tal-abbuż tas-sustanzi li Malta trid tiffaċċja b’mod aktar proattiv.
Dr Ellul jittama li titqajjem aktar kuxjenza dwar id-diversi kundizzjonijiet b’rabta mas-saħħa mentali permezz tal-kampanja edukattiva tat-tobba. Jixtieq li l-pubbliku jkun jista’ jempatizza ma’ dak li t-tobba jkunu qed jgħidilu.
Mistoqsi dwar min jista’ jibbenefika minn din il-kampanja, Dr Ellul qal li tista’ tkun utli b’mod speċjali għal dawk li għandhom riskju akbar li jbatu mill-mard mentali. Qal li dawk li jgħixu ħajja ta' solitudni u dawk li għadhom ma sabux l-iskop ta’ ħajjithom huma f’predispożizzjoni akbar li jbatu minn xi kundizzjoni ta’ mard mentali.
Il-kampanja Serraħ il-Menti qed tiġi organizzata mill-Malta Association of Psychiatric Trainees (MAPT) flimkien mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatri.