Il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fadallu jħallas taxxa aktar milli diġà ħallas.
Fi stqarrija, il-PL irrimarka li t-€80,000 li kellu jħallas Delia issa saru €120,000, fejn irid iħallas taxxa tas-snin 2013, 2014, 2015, u l-2016.
Il-PL enfasizza li Delia għandu jispjega għaliex ftit ilu stqarr li ħallas it-taxxi kollha meta fi kliemu dan mhux minnu. Żied jgħid li “l-ewwel indikazzjoni li l-Kap Nazzjonalista seta’ reġa’ kien qed iħawwad dehret ċara fil-programm Realtà ta’ nhar it-Tnejn li għadda”. Dan għaliex semma li kien fadallu jħallas taxxa tal-2016.
Il-PL staqsa għalfejn Delia qed ikompli jħawwad u ma jgħidx il-verità dwar it-taxxi.
Fit-8 ta’ April, Adrian Delia kien qal li ħallas it-taxxa li kellu jagħti u li lest li jaċċetta investigazzjoni fil-finanzi tiegħu.
Waqt intervista li kellu fuq Radio 101, Delia kkonferma li ħallas l-ammont ta’ €55,000 għat-taxxi li kellu jagħti.
Skont informazzjoni li kienet ippubblikata qabel Delia rebaħ l-elezzjoni għal Kap, huwa kellu jagħti €50,000 f’taxxa u €30,000 f’interessi u ħlasijiet oħra.