Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ressqet protest ġudizzjarju kontra l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) wara li tneħħa strixxun b’mistoqsijiet għall-Prim Minisru u l-Kummissarju tal-Pulizija fil-Belt Valletta.
Ilbieraħ reġa’ tfaċċa strixxun fil-Belt Valletta wara li skont dawk li waħħluh nsteraq l-ewwel wieħed. L-ewwel verżjoni tal-banner kien iddendel f'Marzu.
L-istrixxun jistaqsi għalfejn iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembru u l-Ministru Konrad Mizzi m’humiex fil-ħabs. Jistaqsi wkoll għalfejn il-mara tal-Prim Ministru, Michelle Muscat, mhux qed tiġi nvestigata.

Il-familja ta’ Caruana Galizia qalet li t-tneħħija tal-istrixxun jammonta għal indħil fid-dritt fundamentali tagħhom li jesprimu ruħhom dwar kwistjoni ta’ kontroversja politika, u dwar kwistjoni li ghandha x’taqsam ma’ politika pubblika kurrenti.
Il-familja ta’ Caruna Galizia talbet lill-PA biex tieqaf milli xxekkel l-espressjoni tagħhom bi ksur tad-drittijiet tagħhom.
Fuq Facebook id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi sfida lill-każin tal-Partit Laburista tal-Belt Valletta biex juri l-permess li għandu għall-istrixxun tiegħu.