Il-Kamra tal-Periti qalet li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qed tippreżenta proposta li skonthom hija “abbuż ta’ poter legali” hekk kif qed tipproponi li tagħti amnestija lill-fabbriki illegali tal-logħob tan-nar li nbnew qabel 1994.
Il-PA fetħet konsultazzjoni pubblika fuq Avviż Legali li qed jipproponi, żieda ta’ kategorija fl-Ordni tan-Notifika tal-Iżvilupp (DNO) bl-isem ta’ “żvilupp eżistenti relatat mal-kultura u t-traddizzjoni Maltija”.
Skont il-Kamra tal-Periti, l-unika tip ta’ żvilupp imniżżel taħt din il-kategorija jgħid li fabbriki tal-logħob tan-nar eżistenti u x-xogħol tagħhom se jitqiesu bħala żvilupp bil-permess jekk inbnew qabel l-1994.
Il-Kamra tal-Periti sostniet li din il-klawżola tfisser li qed tgħamel legali dak li jista’ jkun illegali, b’mod speċjali jekk dawn il-fabbriki jkunu qed joperaw mingħajr permess.
Irreferew ukoll għall-Gwida dwar il-Politika u d-Disinn Rurali tal-2014 li tgħid li kull stabbiliment jew fabbrika li nbniet fuq art barra mill-iżvilupp (ODŻ) mill-1978 ’il quddiem għandha titqies illegali.
Fost l-argumenti tagħhom, il-Kamra tal-Periti sostniet li dan jista’ jiftaħ l-opportunità lis-sidien tal-propjetajiet sabiex jikapitalizzaw mill-illegalitajiet.