Inti x’tgħid, “tal-lajf” jew “tal-blieh”? Attent għax skont dak li tgħid ħaddieħor jista’ jinduna għandekx aktar minn 50 jew għadek fl-aqwa tiegħek!
Din in-nofs ċajta se tkun is-suġġett ta’ taħdita li se ssir fil-jiem li ġejjin dwar l-użu tal-lingwa u kif din tinbidel minn kelliema żagħżagħ għal oħrajn akbar fl-età.
Ġieli ċċekkjajt inti u tikber kienx hemm kliem li bdiltu inkonxjament?
Il-laqgħa se tittella’ mill-Assoċjazzjoni tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa u l-Għaqda tal-Malti fl-Università, u l-kelliem se jkun  Dr. Michael Spagnol li huwa lettur fi ħdan id-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, jew kif ħafna jsibuh, is-Sur Kelma Kelma minħabba l-paġna tant popolari li jmexxi.
L-għaqdiet qed iħeġġu lill-pubbliku jattendi b’xejn dil-laqgħa, biex jiskopru kif il-lingwa dejjem tinbidel u awtomatikament tvarja minn ġenerazzjoni għal oħra.
Għaż-żaqqiqin, wara se jkun hemm xi tnaqqar.
Il-laqgħa se ssir il-Ħamis li ġej fis-7pm fl-uffiċċji tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-Furjana.