Ħaddiem li jpoġġi l-madum u għamel ħerba minn xogħlu wara li klijent ittardja u ma ħallasx l-aħħar pagament, weħel 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn filwaqt li ntlaba iħallas somma flus tad-dannu li għamel.
Abraham Kwabena Donyinah, ta’ 39 sena mill-Ghana u jgħix Marsascala spiċċa ħati li kisser il-madum li kien poġġa hu stess.
Ir-raġel kien jonqsu jitħallas €200 mill-kont, iżda meta l-klijent ma ħallasx, iddeċieda li jieħu l-liġi b’idejh u jagħmel ħerba mill-post, fejn ikkawża mat-€3000 dannu.
Waqt is-smigħ, Donyinah deher anzjuż u saħansitra spiċċa jibki u jitkarrab għarkubtejh qabel ma’ ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
Filwaqt li weħel is-sentenza ta’ ħabs sospiża, r-raġel intalab ukoll iħallas lill-klijent tiegħu total ta’ €3020 fis-sitt xhur li ġejjin.
Il-Qorti talbet ukoll li l-klijent jingħata l-protezzjoni kif mitluba mill-liġi.