Artist Malti u artist Ġermaniż għadhom kif temmew inaqqxu skulturi permanenti f’ħajt ta’ barriera fil-limiti tal-Imqabba.
Antoine Farrugia u Volker Hauswirth, li ġie f’Malta apposta għal dan il-proġett, riedu jħallu marka permanenti ta’ żmienna għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna.
Iż-żewġ artisti qalu ma’ Newsbook.com.mt li fl-istorja tal-bniedem il-ħitan dejjem servew biex jifirdu l-popli u l-ġnus minn xulxin.
Bl-iskulturi tagħhom iridu jwasslu l-messaġġ li permezz tal-għaqda Ewropea, il-ħitan issu jistgħu jsiru sors ta’ arti li tgħaqqad, postijiet fejn artisti ta’ nazzjonalitajiet u kulturi differenti jiltaqgħu u jaħdmu flimkien kif għamlu huma.
L-iskulturi jinsabu fil-barriera tal-familja Psaila f’Ta’ Kandja.
Farrugia u Hauswirth ilhom jafu lil xulxin 11-il sena, minn meta ltaqgħu f’simpożju ta’ skultura fil-Ġermanja. Wara li lestew dan il-proġett f’Malta, f’Lulju se jkun Farrugia li se jmur jiskulpixxi fil-Ġermanja.
Farrugia spjega li se jkun qed jieħu miegħu ġebla lokali minn bini li qed jitwaqqa’ u li minnha se jkun qed joħroġ skultura.
“Minn xi ħaġa mormija hawn Malta se nkun qed noħloq biċċa arti li se tkun esebita u gawduta tant mili ‘l bogħod fil-Ġermanja”, qal l-artist Imqabbi.
Intant, il-proġett tal-ħajt fil-barriera jista’ jkun li jkompli jikber. Fi żjara li saret mill-Kunsill Lokali ntweriet ix-xewqa li ssir applikazzjoni għal fondi Ewropej biex jinġiebu iktar artisti minn madwar l-Unjoni Ewropea jnaqqxu fuq ħitan oħra.