Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat ħabbar li s-sena d-dieħla Malta se tospita l-ewwel Konferenza dwar l-Investiment Dirett Barrani tal-Commonwealth.
Waqt il-ftuħ tal-Forum tan-Negozju tal-Commonwealth f’Guildhall f’Londra il-Prim Ministru qal li għal din il-konferenza se jkunu mistednin l-aġenziji tal-promozzjoni tal-investiment, intrapriżi żgħar u medji, u korporazzjonijiet internazzjonali.
Skont Muscat il-Commonwealth jservi ta’ eżempju pożittiv għal dak li huwa possibbli permezz ta’ skambju internazzjonali. Qal li l-lingwa komuni, il-qafas regolatorju, u l-valuri kulturali jfissru li huwa 19% irħas li jsir negozju fi ħdan il-Commonwealth.
Muscat qal li l-Faċilità tan-Negozji tal-Istati Żgħar tal-Commonwealth bdiet taħdem mill-kwartieri tagħha f’Malta. Din se tkun qed tgħin lil 31 pajjiż biex jidħlu fis-suq globali.
“Irridu noqgħodu attenti għall-forzi tal-globalizzazzjoni li jistgħu jiddistabilizzaw  l-komunitajiet tagħna. Jekk dan ma jsirx, jistgħu jitfaċċaw opinjonijiet foloz li ekonomija miftuħa tiffavorixxi biss lis-sinjuri u mhux lill-maġġoranza taċ-ċittadini. Il-verità hija ferm differenti”  saħaq Muscat.
Muscat qal li l-ekonomija miftuħa ssaħħaħ l-iżvilupp internazzjonali u tassigura prosperità domestika akbar. Żied jgħid li l-ekonomiji ż-żgħar jiddependu ħafna fuq is-swieq internazzjonali għall-importazzjoni u l-esportazzjoni.
Il-Prim Ministru qal li Malta hija eżempju ċar ta’ kif fruntieri miftuħa għall-persuni u għall-ġid huma t-triq għall-prosperità.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri