Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, ilbieraħ wissa li jekk ikun hemm aktar attakki fuq is-Sirja minn pajjiżi tal-Punent se jinħoloq kaos kbir madwar id-dinja kollha.
Dan qalu b’risposta għal Washington li kienet qed tipprepara li żżid il-pressjoni fuq is-Sirja b’sanzjonijiet ekonomiċi ġodda.
F’telefonata mal-President Iranjan, Hassan Rouhani, kien hemm qbil li l-attakk ta’ nhar is-Sibt kien kisser għal kollox il-possibiltà li jintlaħaq ftehim għall-kunflitt li ilu għaddej fis-Sirja għal dawn l-aħħar seba’ snin.
L-Ambaxxatriċi Amerikana għan-Nazzjonijiet Magħquda, Nikki Haley qalet ma’ ġurnali barranin li l-Istati Uniti llum se jintroduċu sanzjonijiet ġodda mmirati lejn kumpaniji relatati mal-allegat użu ta’ armi kimiċi mill-President Sirjan, Bashar al-Assad.
Is-Sibt li għadda, l-Istati Uniti, Franza u r-Renju Unit sparaw 105 missila mmirati lejn tlett faċilitajiet għall-armamenti kimiċi fis-Sirja bħala att ta’ ritaljazzjoni għall-attakk suspettat kimiku fuq il-Belt ta’ Douma fis-7 t’April.
Ritratt: Reuters