Sistemi ta’ Armi Awtonomi Letali, iqajmu problemi etiċi u legali serji, skont l-Arċisqof Ivan Jurkovic, Rappreżentant Permanenti tas-Santa Sede għan-Nazzjonijiet Magħquda u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, meta kien qed jitkellem f’laqgħa ta’ esperti governattivi dwar dan is-suġġett.
“Is-Santa Sede tagħraf id-diffikultajiet u r-reżistenza biex wieħed jifhem l-implikazzjonijiet kollha ta’ sistemi ta’ armamenti awtonomi. Ħaġa waħda hi ċerta: l-iżvilupp ta’ armi awtonomi letali huma kapaċi jibdlu b’mod irriversibbli n-natura tal-gwerer u tagħmilhom aktar inumani, u jpoġġu f’dubju l-umanità tas-soċjetajiet tagħna u f’kull każ iwasslu lill-pajjiżi biex isaħħu l-ħiliet militari tagħhom”.
L-Arċisqof Jurkovic elenka t-tħassib ewlieni dwar dawn is-sistemi magħfurga bħala LAWS:

  1. Sistema ta’ armi awtonomi qatt ma tista’ tkun suġġett moralment responsabbli.
  2. Sistema ta’ armi awtonomi  tista’ tiddevja mill-objettivi  preskritti mill-awtorita politika jew militari responsabbli.
  3. L-idea li tista’ tibda gwerra minn armi awtonomi mhux konxji u mhux responsabbli, qed taħbi l-għatx għad-dominanza u turi nuqqas ta’ fiduċja fil-persuni umani.

“Is-sigurtà u l-paċi jinkisbu permezz tal-kultura tad-djalogu u l-kooperazzjoni u mhux b’tiġrija għall-armamenti. Dinja fejn  is-sistemi awtonomi jitħallew imexxu b’mod riġidu u kif ifettlilhom affarijiet fundamentali li jolqtu l-ħajja ta’ persuni umani u tal-ġnus, iwassluna biex nitilfu l-umanità u ndgħajfu r-rabtiet ta’ fraternità dejjiema tal-familja umana”, temm jgħid ir-rappreżentant tal-Vatikan.