Waħda mill-ġurnalisti u kordinatriċi mill-Proġett Daphne qalet lill-midja internazzjonali li hu importanti ferm li jintbagħat il-messaġġ li meta jinqatel ġurnalist, oħrajn se jfeġġu biex dak li l-qattiela jippruvaw jaħbu jara aktar dawl.
Dawn kienu l-kummenti ta’ Anuska Delic, waħda mill-ġurnalisti minn madwar l-Ewropa mas-sit Euronews, li mil-lum se jkunu qed jippubblikaw u jkomplu l-istejjer li kienet qed tinvestiga l-ġurnalista Maltija, Daphne Caruana Galizia, qabel ma nqatlet b’bomba fil-karozza tagħha sitt xhur ilu, fis-16 t’Ottubru.
Saħqet li hu importanti li jintbagħat il-messaġġ li "tista' ssikket lil xi ħadd minna, imma oħrajn se jsegwu. Dak li qed tippruvaw taħbu ħa jiġbed aktar attenzjoni". 
Sostniet li l-messaġġ li jrid jitwassal b’din l-inizjattiva hu li l-ġurnalisti jinsabu magħqudin bejniethom, filwaqt li ddeskriviet din l-għaqda bħala l-unika mediċina kontra l-pjaga ġdida tal-vjolenza fiżika u l-qtil tal-ġurnalisti fl-Ewropa.
Bejn is-sena l-oħra u din is-sena, tliet ġurnalisti nqatlu, aktarx minħabba xogħolhom. Kim Wall, ġurnalista Żvediża nstabet mejta f’darha f’Copenhagen f’Awwissu tal-2017, imbagħad Daphne Caruana Galizia f’Ottubru, u fi Frar ta’ din is-sena l-ġurnalist Slovakk Jan Kuciak inqatel mal-għarusa tiegħu f’daru.
B’kollox hemm 45 ġurnalist jikkollaboraw fi Proġett Daphne, immexxi mill-organizzazzjoni Forbidden Stories, filwaqt li l-Proġett tar-Rappurtaġġ dwar il-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP) iffaċilita l-qsim tad-dokumenti u l-informazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet.
Aktar tard illum jibdew ħerġin l-istejjer.
Ritratt: Ian Noel Pace